Lokali

“Ftakar li issa mhux il-Prim Ministru tal-Laburisti biss” – Team Start PN

Lil hinn min Nazzjonalisti u Laburisti, aħna lkoll aħwa Maltin.

Hekk sostnew Team Start PN f’ittra miftuħa ndirizzata lis-suċċessur ta’ Joseph Muscat, Robert Abela fejn filwaqt li firħu lir-Robert Abela għall-kariga li kiseb, fakkruh li issa huwa mhux biss il-mexxej tal-Laburisti, iżda huwa wkoll il-Prim Ministru tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Huma fakkruh li issa huwa l-Prim Ministru ta’ dawk li taħt Gvern immexxi minn Joseph Muscat spiċċaw fil-faqar minkejja s-surplus. Minn għada, Abela ser ikun il-Prim Ministru ta’ dawk kollha li huma ddiżappuntati bis-sitwazzjoni fl-ambjent, minkejja li kellu jkun prijorità.

Minn għada huwa ser ikun il-Prim Ministru ta’ dawk li huma bir-raġun rrabjati fuq li ġara fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u r-rivelazzjonijiet tal-aħħar ġimgħat.

Team Start PN saħqu li jittamaw li l-kontinwità li qed iwiegħed Robert Abela mhix ser tkun fl-importazzjoni bla rażan ta’ ħaddiema barranin, fl-arja maħmuġa, fl-iskejjel li tħallew nofs leħja u l-pagi baxxi.

Filwaqt li saħqu li jittamaw ukoll li ser jindirizza l-problema tat-tibdil fil-klima, huma temmew jgħidu li l-fatt li huwa kien il-konsulent legali tal-aktar Prim Ministru korrot fl-istorja ma ttihomx wisq tama.