Il-Union Franċiż, CGT, mhux jaċċetta l-offerta tal-Gvern għal konċessjonijiet lill-unions tal-pajjiż, bil-għan li jintemmu l-azzjonijiet industrijali kontra r-riformi proposti għall-pensjonijiet li qed isiru madwar il-pajjiż.
Il-Prim Ministru Franċiż, Edouard Philippe, permezz ta’ ittra, qal li hu lest biex jirtira proposta biex l-età tal-pensjoni għall-ħaddiema tiżdied minn 62 għal 64 sena. Din l-aħbar segwiet it-taħditiet tal-ġimgħa l-oħra bejn il-ministri u l-kapijiet tal-unions, bil-Gvern qed jgħid li r-riformi huma neċessarji biex is-sistema tal-pensjonijiet tal-pajjiż issir aktar ġusta u sostenibbli.
Madankollu, il-unions qed jgħidu li l-ħaddiem se jbati b’kaġun tar-riformi proposti — bis-CGT isostni, fi stqarrija, li jinsab ‘aktar determinat minn qabel’ biex iwaqqaf ir-riformi proposti għas-sistema tal-pensjonijiet fi Franza.
Dan minkejja li s-CFDT, wieħed mill-akbar unions Franċiżi, laqa’ tajjeb l-offerta tal-Gvern waqt li qal li l-amministrazzjoni qed turi li hi lesta biex tidħol f’kompromess.
Sadanittant, l-azzjonijiet industrijali kontra r-riforma (għall-pensjonijiet) pjanata mill-President Franċiż, Emmanuel Macron, dalwaqt se jagħlqu sitt ġimgħat u fejn ħallew impatt sostanzjali għas-sistema tat-trasport fi Franza –b’mod partikulari l-ferroviji.
Fi tmiem il-ġimgħa, id-dimostranti mill-ġdid ħarġu fit-toroq ta’ Pariġi u bliet oħra – bil-pulizija fil-kapitali jisparaw il-gass tad-dmugħ lejn il-gruppi tad-dimostranti li kienu qegħdin ikissru t-twieqi tal-istabbilimenti filwaqt li jagħtu n-nar lil-laned tal-iskart u l-billboards fl-inħawi.
//= $special ?>