Futbol Sport

Iriberri u Degabriele jispikkaw f’rebħa meritata għal Hibernians

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: Stewart Said

HIBERNIANS………… 2

GUDJA U……………….. 0

Hibernians: M. Jovicic, T. Tabone Desira, F. Apap, J. Wemmer, G. Artiles, J. Mbong, D. Vella, J. Grech (C. Atsina 88’), A. Attard (M. Ellul 91’), J. Degabriele (M. Beerman 83’), I. Iriberri

Gudja: J. Debono, J. Grioli, J. Bolanos, J. Bondin, A. Miranda, A. de Barros, E. Bilbao Zarate (A. Friggieri 73’), J. Brincat, R. Winchester (J. Farrugia 82’), G. Mensah (H. Vella 65’), N. Rodrigues Ferreira

Imwissija: J. Bolanos 39’, N. Rodrigues Ferreira 71’ (G)

Skorjaw: J. Degabriele 32’, I. Iriberri 56’ (H)

Referee: Fyodor Zammit

Assistenti Referees: Darko Stankovic, Mark Ciantar

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Imanol Iriberri (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Jurgen Degabriele (Hibernians)

Gowl f’kull taqsima kien biżżejjed għal Hibernians biex jegħlbu lil Gudja United u jitilgħu momentarjament fit-tieni post. Il-prestazzjoni tal-Pawlisti kienet pożittiva, b’diversi kumbinazzjonijiet fl-attakk.

Fl-ewwel rawnd, Hibernians kienu miżmuma minn Gudja fi draw ta’ 1-1, iżda f’din il-logħba kkontrollaw mingħajr wisq diffikultà, anki jekk kellhom lil Andrei Agius, Leandro de Silveira u Bjorn Kristensen kollha sospiżi. Gudja kienu ġejjin minn telfa fost il-ġimgħa kontra Mosta u din it-telfa tkompli tikkompika ftit is-sitwazzjoni tagħhom.

Hibernians kellhom l-inizjattiva fl-ewwel minuti iżda kellhom jgħaddu 17-il minuta biex joħolqu azzjoni bi free-kick ta’ Gabriel Artiles li spiċċa ftit għoli. Gudja appellaw għal penalty fis-27 minuta meta Justin Grioli għadda lejn Gabriel Mensah li tefa’ ballun għan-nofs li deher jaħbat ma’ id Ayrton Attard fil-kaxxa, iżda r-referee Fyodor Zammit ħalla l-logħob għaddej.

Il-Pawlisti fetħu l-iskor fit-32 minuta bi kross mil-lemin ta’ Timothy Tabone Desira lejn Imanol Iriberri, bl-attakkant iniżżel lejn JURGEN DEGABRIELE li b’xutt sabiħ mill-ewwel għar-rokna għeleb lil Jonathan Debono. Tliet minuti wara, Iriberri kellu xutt fil-baxx salvat minn Debono.

Fatt interessanti hu li Gudja bdew it-tieni taqsima bi plejer anqas wara li Edison Bilbao Zarate daħal tard fil-pitch. Hu kompla jilgħab wara kważi minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima. Hibernians irduppjaw f’azzjoni mill-isbaħ fis-56 minuta. Timothy Tabone Desira qassam lejn Degabriele li mill-ewwel kompla lejn Ayrton Attard li bi kross ukoll mill-ewwel ġab lil IMANOL IRIBERRI f’pożizzjoni favorevoli li kompla għal ġewwa f’xibka vojta.

Wara dan il-gowl, il-logħba naqset mir-ritmu tagħha b’Hibernians jikkontrollaw filwaqt li Gudja baqgħu ma kinux ta’ periklu għal Marko Jovicic. Hibernians kellhom iċ-ċans li jżidu gowl ieħor fil-81 minuta b’passaġġ ta’ Degabriele lejn Iriberri iżda mill-viċin ra x-xutt b’saħħtu jgħaddi barra.