Sport Sport Ieħor

Is-Serbja tirbaħ l-ewwel edizzjoni tal-ATP Cup b’rebħa fil-finali kontra Spanja

(Ritratt: EPA)

Is-Serbja rebħet l-ewwel edizzjoni tal-ATP Cup wara li rebħet kontra Spanja 2-1, fil-finali li ntlagħbet f’Sydney. F’din il-finali spikka d-dwell bejn Novak Djokovic u Rafael Nadal, bis-Serb joħroġ rebbieħ 6-2, 7-6 u ġab id-draw momentarju u b’hekk kollox ġie deċiż fil-finali tad-doubles.

Fl-ewwel konfront Spanja, permezz ta’ Roberto Bautista-Agut, għelbet lil Dusan Lajovic 7-5 6-1. Fil-logħba prinċipali bejn Nadal u Djokovic, is-Serb kellu bidu tajjeb u kompla sejjer hekk tul l-ewwel set kollu biex għeleb lill-Ispanjol 6-2. Nadal irkupra xi ftit fit-tieni set, fejn il-logħba kienet iktar bilanċjata bis-set jispiċċa b’tie-brake. Nadal deher xi ftit għajjien b’Djokovic japprofitta biex rebaħ is-set 7-6.

Fil-finali tad-doubles, Djokovic ingħaqad ma’ Victor Troicki kontra Feliciano Lopez u Pablo Carreno Busta. L-Ispanjoli bdew tajjeb iżda s-Serbi rkupraw biex rebħu l-ewwel set 6-3. Djokovic u Troicki komplew jiddominaw u wara d-diffikultà li sabu fl-ewwel logħba tas-set, wettqu rimonta b’saħħitha li biha rebħu t-tieni set 6-4 biex aċċertaw mir-rebħa.

Tags