Sport Waterpolo

It-tim nazzjonali tal-waterpolo jasal l-Ungerija biex jilgħab fil-Kampjonat Ewropew

Illum it-tim nazzjonali Malti ħalla pajjżna lejn l-Ungerija biex għat-tielet edizzjoni konsekuttiva jilgħab fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew. Illum stess saret l-ewwel sessjoni tat-tim taħt it-tmexxija ta’ Karl Izzo u l-assistent Anthony Farrugia. Għada jsiru żewġ sessjonijiet oħra qabel il-konfront ta’ għada kontra Spanja.

Mill-aħħar edizzjoni f’Barcelona f’Lulju tal-2018, hemm għaxar plejers li żammew posthom, bl-uniċi bidliet ikunu Alan Borg Cole, Gabriel Pace u Darren Zammit flok Jake Tanti, Nicholas Bugelli u Michael Spiteri Staines rispettivament. Il-kowċ nazzjonali Izzo jemmen li din hi l-aktar darba li kellhom preparazzjoni tajba għall-Kampjonat Ewropew. Il-plejers Maltin ilhom minn Ottubru li bdew il-preparazzjoni b’taħriġ fil-gym.

F’Novembru l-plejers bdew jitħarrġu fl-ilma fejn anki kellhom l-opportunità li jilagħbu kontra t-timijiet nazzjonali ta’ taħt l-20 sena tas-Serbja u l-Italja kif ukoll it-tim Taljan ta’ taħt id-19-il sena. F’pajjiżna kien hawn ukoll it-tim ta’ Palermo filwaqt li l-ġimgħa l-oħra f’pajjiżna kien hawn Ortigia li lagħbu partiti ta’ ħbiberija. Il-mira prinċipali hi r-rebħa kontra t-Turkija li tiggarantixxi post mal-ewwel 12 fil-Kampjonat Ewropew.

L-iskwadra finali

Nicky Grixti (Sliema), Jerome Gabarretta (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Gabriel Pace (Neptunes), Darren Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Stevie Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Jeremy Abela (Neptunes), Aurelien Cousin (Exiles), Ben Plumpton (San Ġiljan), Dino Zammit (San Ġiljan), Alan Borg Cole (Neptunes)

Il-logħob ta’ Malta fi Grupp Ċ

It-Tlieta: Malta v Spanja 1.00pm

Il-Ħamis: Malta v Turkija 11.30am

Is-Sibt: Malta v Ungerija 7.00pm