Lokali

Jibdew l-ewwel riżenji u tikber il-qasma fil-Lejber

Id-delegat Laburista Mark Camilleri irriżenja b’mod immedjat mill-Partit Laburista wara li Robert Abela ġie elett mexxej. Din ir-riżenja ħabbarha Camilleri stess fuq Facebook.

Skont hu, in-nies ta’ Fearne “ġew mgħafġa” bir-rebħa tal-avukat Abela, li illum jagħmel l-ewwel diskors tiegħu minn Kordin.

U fl-istess sigħat komplew jisħnu l-battibekki bejn membri veterani tal-Partit Laburista, inkluż l-eks Sindku ta’ Bormla Joe Scerri u l-eks uffiċjal tal-GWU Gejtu Mercieca. B’dan tal-aħħar joħroġ jattakka lil Chris Fearne.

Pront wieġeb Scerri, li minn naħa tiegħu appoġja apertament lil Fearne. L-eks Sindku Bormliż qal li Mercieca blokkjah fuq Facebook wara li prova jitfa’ dell ikrah fuqu.

Joseph Scerri serva bħala sindku ta’ Bormla mill-2003 sal-2013 meta kien intalab mill-Partit Laburista biex jirreżenja wara każ fil-Qorti.

Intant matul il-jum ma qatgħu xejn il-battibekki bejn il-votanti laburisti u dawk li appoġjaw iż-żewġ klikek f’din il-ġirja għat-tmexxija tal-PL.