Lokali Qorti

L-avukati ta’ Yorgen Fenech iridu jitolbu Maħfra Presidenzjali lil Abela

L-avukati li qed jirrappreżentaw lin-negozjant Yorgen Fenech fil-każ b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qed jikkonsidraw jagħmlu talba oħra għal maħfra Presidenzjali wara l-ħatra ta’ Robert Abela bħala s-suċċessur ta’ Joseph Muscat bħala Prim Ministru.

Dan ġie żvelat mill-ġurnal The Malta Independent on Sunday hekk kif ġie spjegat li l-eks membru tat-Tumas Group diġà għamel din it-talba darbtejn fejn saħaq i kien għad fadallu informazzjoni sensittiva x’jiżvela madanakollu fiż-żewġ okkażżjonijiet ir-risposta minn Joseph Muscat kienu dejjem fin-negattiv.

L-ewwel darba, Muscat ħa d-deċiżjoni minn jheddu wara konsultazzjoni ma-Avukat Ġenerali, filwaqt li t-tieni darba – id-deċiżjoni ttieħdet wara lejl twil ta’ diskussjonijiet mal-Kabinett.

Sorsi qrib The Malta Independent on Sunday saħqu li l-affarijiet jafu jinbidlu l-għaliex taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela din il-maħfra presidenzjali taf tasal sabiex dawk kollha involuti f’dan ir-reat attroċi jingħataw dak li ħaqqhom.

F’diskors li kien qal lura fid-19 ta’ Diċembru, Abela kien saħaq li ma jeskludix li jati jaċċetta t-talba ta’ Fenech, b’mod speċjali jekk ikun hemm fatti ġodda x’jiġu investigati.

Madanakollu ġaladarba jieħu din id-deċiżjoni, Robert Abela ikun qed idur kontra l-Kabinett immexxi mill-predeċessur tiegħu Joseph Muscat – ir-raġel tas-sena fil-korruzzjoni u kriminalità organizzata għall-2019 skont l-OCCRP li qatt ma ċaħad li rċieva arloġġ Bvlgari jiswa l-eluf ta ewro kif ukoll fliexken tal-inbid li jlaħqu s-somma kumplessiva ta’ €5,000 mingħand Yorgen Fenech.

Fl-aħħar ġimgħat Yorgen Fenech saħaq li l-id il-leminija ta’ Muscat, Keith Schembri – kien iżommu informat dwar id-dettalji tal-investigazzjonijiet b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa saħaq ukoll li waqt li kien qiegħed barra fuq Police Bail, Schembri kien għaddielhu ittra fejn allegatament spjegalu x’kellu xi jgħid – fatt ikkonfermat mill-istess tabib li għaddielu l-ittra.

Fi kliem sempliċi – in-negozjant qed jallega li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat kien involut dirett jew indirettament fl-assassinju tal-ġurnalista – allegazzjonijiet li sal-lum Keith Schembri ċaħad.

Fenech qed jiġi akkużat fost oħrajn bl-organizzazzjoni u l-finanzjament ta’ assoċċjazzjoni kriminali kif ukoll bil-kompliċità fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia – akkużi li huwa qed jiċħad.