Futbol Sport

L-isfortuna ta’ Floriana twassal għall-ewwel telfa tal-kampjonat

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Rapport: James Aaron Ellul

FLORIANA ………………. 0

BIRKIRKARA…………… 1

Floriana: I. Akpan, E Ruiz, D. Venancio, K. Keqi, J. Arias (A. Caseres 83’), B. Paiber (J. Busuttil 66’), J. Pisani, N. Garcia, A. Cini, R. Camenzuli, T. Fonseca

Birkirkara: A. Hogg, E. Pepe, M. Guillaumier, K. Zammit, Y. Yankam, R. Briffa, F. Falcone, C. Attard, H. Prado (M. Mifsud 76’), M. Carniello, I. Ntow

Imwissija: J. Pisani 14’, B. Paiber 55’ (F), M. Guillaumier 82’ (B)

Skorja: M. Falcone 80’ (B)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Paul Apap

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Brandon Paiber (Floriana)

BOV Plejer tal-logħba: Brandon Paiber (Floriana)

Attendenza: 1276

Is-sena 2020 xejn ma bdiet tajjeb għal Floriana, hekk kif sofrew l-ewwel telfa f’dan il-kampjonat wara rawnd sħiħ bla telfa. Din it-telfa ħafna qed iqisuha bħala waħda inġusta hekk kif Floriana kienu l-aktar perikolużi tul il-partita, bi tliet azzjonijiet tagħhom ħabtu mal-lasta, akkost dan, xejn ma jneħħi mill-mertu ta’ Birkirkara li għelbu lil-leaders tal-klassifika.

Din ir-rebħa għal Birkirkara ħalliethom fis-seba’ post, b’19-il punt, filwaqt li Floriana baqgħu fl-ewwel post b’31 punt. Il-Furjaniżi għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Hibernians, liema vantaġġ jinżel għal tliet punti jekk Gżira jirbħu għada.

L-ewwel azzjoni denja tal-partita waslet wara seba’ minuta logħob b’Kurt Zammit jiftaħ fuq Federico Falcone, iżda Ini Akpan salva l-ballun. Floriana wieġbu tliet minuti wara b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Venancio, li għeleb lil Hogg iżda ħabat mal-wieqfa u għadda minn fuq il-linja. Fit-22 minuta, azzjoni Furjaniża minn Brandon Paiber li qassam b’saħħa lejn in-nofs, bil-ballun ħabat ma’ Roderick Briffa u mumenti wara ħabat mal-lasti ta’ Hogg.

Bidu tat-tieni taqsima, Birkirkara bdew b’ritmu ferm differenti. Infatti kienu huma li mill-ġdid marru mill-ewwel fuq l-offensiva, b’Falcone jqassam lil Ntow bix-xutt tiegħu jkun milqugħ minn Akpan. Sitta u sittin minuta logħob, ballun mix-xellug wasal għand Enzo Ruiz li b’xutt bir-ras impenja lil Andrew Hogg. 

Erba’ minuti wara Jan Busuttil ħarab min-nofs il-grawnd bil-ballun, fetaħ lejn Kristian Keqi li iżda falla milli jiskurja. Ftit tal-mumenti wara, Keqi mill-ġdid ma ħatafx l-opportunità wara pass tajjeb minn Tiago Fonseca, bix-xutt tiegħu jgħaddi għoli.

Birkirkara skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-80 minuta meta FEDERICO FALCONE għeleb lil Akpan b’xutt minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka. Minuta wara Floriana wieġbu b’azzjoni minn Keqi li iżda t-tentattiv bir-ras ħabat mal-lasta ta’ Birkirkara. Din kienet it-tielet lasta għal Floriana f’din il-partita. Floriana mill-ġdid fl-azzjoni hekk kif fis-87 minuta logħob, xutt mill-kaxxa ta’ Busuttil ġie salvat minn Hogg.