Lokali

L-iskandli huma l-legat ta’ Joseph Muscat

It-Tnejn jinbidel il-Prim Ministru, iżda l-iskandli ta’ dan il-Gvern Laburista baqgħu hemm.

Fost l-agħar minn dawn kien l-iskandlu tal-Panama Papers illi ġie żvelat mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kien hawn meta l-Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff Keith Schembri inqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama. Apparti iż=żewġ kumpaniji tagħhom Hearnville u Tillgate, inkixfu ukoll il-kumpaniji Egrant, kif ukoll 17 Black…li wara rriżulta li s-sid tagħha kien Yorgen Fenech.

Fenech hu l-istess persuna illi kien direttur tal-Electrogas; il-power station il-ġdida li kien pjana l-PL sa minn qabel l-elezzjoni tal-2013…b’wiċċ Konrad Mizzi fuq quddiem nett imexxi dan il-pjan li kien mirqum sal-inqas dettall.

Eventwalment, mill-Panama Papers… kif ukoll minn investigazzjoni separata tal-aġenzija Reuters…kien inkixef li minn 17 Black kellhom jgħaddu mal-€5,000 kuljum lejn iż-żewġ kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. L-eks Chief of Staff, wara li inqabad, kien ikkonferma li 17 Black kellha tkun target client tiegħu.

Skandlu oxxen ieħor kien dak tal-bejgħ tal-isptarijiet lill-kumpanija Vitals; miljuni li ħadd ma jaf fejn marru.

Kulħadd żgur jiftakar anke l-istejjer mill-aktar serji marbuta mal-bank Pilatus – tant li kellha tiġi irtirata l-liċenzja ta’ dan il-bank, minħabba r-rabtiet mal-Ażerbaijan.

Kien minn Pilatus Bank li allegatament għaddew flus lejn kont f’Dubaj, għall-kumpanija sigrieta Egrant.

L-iskandlu ta’ Strada Zekka kien skandlu ieħor mill-kullana ta’ oxxenitajiet li għamel dan il-Gvern; skandlu li kieku ma kienx għall-ħidma tal-ġurnalista Caroline Muscat dan id-deal kien jibqa’ moħbi.

Kien ukoll il-Gvern ta’ Muscat li biegħ il-passaporti; skema li mal-ewwel kienet maħkuma b’allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus u nies meqjusa “suspettużi” illi xtraw il-passaport Malti.

F’din il-lista wieħed jista’ jżid l-iskandlu ta’ Acapulco u l-allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ Chris Cardona, l-isparatura tax-xufier tal-eks Ministru Manwel Mallia, l-iskandlu marbut mal-bejgħ tal-Austraila Hall, li fisser miljuni għall-partit Laburista kif ukoll l-Universita tal-Ġordaniżi fil-Kottonera.