Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea ma għandha ‘l-ebda għaġġla’ għal-ftehim kummerċjali mar-Renju Unit

Il-Viċi-Prim Ministru tal-Irlanda, Simon Coveney, qal li l-Unjoni Ewropea mhix se tkun sfurzata biex tidħol bl-għaġġla għal ftehim kummerċjali mar-Renju Unit ladarba dan il-pajjiż jikkonkludi l-proċess ta’ Brexit u ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni.

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qed jgħid li qbil dwar ftehim kummerċjali bejn ir-Renju Unit u l-UE kapaċi jintlaħaq sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan waqt li Johnson inkluda impenn, fl-abbozz tiegħu dwar Brexit, biex ma ssir l-ebda estensjoni għal kwalunkwe perjodu ta’ tranżizzjoni ( ta’ wara Brexit) bil-għan li tippermetti għal ftehim.

Madankollu Coveney qed iwissi li kwalunkwe ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u Londra probabbilment se jdum aktar minn sena biex jintlaħaq.

Fl-istess ħin, il-Ministru tas-Sigurtà Britanniku, Brandon Lewis, iddefenda d-deadline ta’ Boris Johnson u sostna li l-Prim Ministru Britanniku ‘għandu record tajjeb bħala politiku li jilħaq it-tragwardi tiegħu’.

Ladarba r-Renju Unit joħroġ mill-UE fil-31 ta’ Jannar, il-pajjiż jidħol fi tranżizzjoni ta’ 11-il xahar fejn, fil-parti kbira, għandu jsegwi r-regoli tal-Unjoni, anki jekk ma jkollux rappreżentanza fl-istituzzjonijiet tal-istess Unjoni.

Il-perjodu inkwistjoni jintemm fil-31 ta’ Diċembru li ġej u meta Johnson qed ikompli jeskludi l-possibbiltà ta’ estensjoni, f’każ li ma jintlaħaqx ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn Londra u Brussell.