Il-Gvern Libjan għall-Għaqda Nazzjonali u l-qawwiet tal-Armata Libjana tal-Lvant immexxija minn Khalifa Haftar qegħdin jakkużaw lil xulxin b’li kisru ftehim għal waqfien mill-ġlied –irrealizzat b’medjazzjoni internazzjonali – sigħat biss wara li dan kien daħal fis-seħħ.
Wara li l-waqfien mill-ġlied kien beda uffiċjalment dalgħodu, il-kelliema għall-Gvern tal-Prim Ministru Fayez al-Sarraj u oħrajn għall-Armata ta’ Haftar qalu li kien hemm ‘waqtiet ta’ ġlied ġodda’ madwar il-kapitali Tripli.
Il-ftehim kien laħaq daħal fis-seħħ għal ftit żmien wara pressjoni mit-Turkija, li qed tappoġġja lil Sarraj ( li għandu wkoll l-appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti) u r-Russja, li qed tagħti sostenn lill-Armata ta’ Haftar.
It-Turkija, jiem ilu, kienet bagħtet it-truppi tagħha biex jgħinu lill-Gvern ta’ Sarraj li ilu mill-bidu ta’ April jirreżisti l-offensiva mill-qawwiet ta’ Haftar fuq Tripli.
Il-Ġeneral Haftar hu megħjun ukoll mill-Eġittu, l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Ġordan u hemm il-biża’ li l-Libja, ‘il quddiem, tinbidel f’ċentru għal konflitt reġjonali jew anki ssir ‘it-Tieni Sirja ( pajjiż ieħor li ilu s-snin f’morsa ta’ konflitt ċivili).
Il-kaos fil-Libja qed jgħin ukoll biex il-gruppi tal-militanti Iżlamiċi u t-traffikanti tal-bnedmin jikkonsolidaw posthom f’dan il-pajjiż u l-madwar, fost it-tħassib tal-Istati Ewropej man-naħa l-oħra tal-Mediterran.
//= $special ?>