Lokali

Ma nbidel xejn

L-appell ta’ Joseph Muscat għall-għaqda fil-Partit Laburista, mhux talli ma wasalx waqt it-tellieqa biex joħdulu postu, talli s-sitwazzjoni kompliet tiggrava bil-gwerra interna tkompli toħroġ fil-miftuħ.

Għall-ewwel diskors ta’ Robert Abela bħala mexxej tal-Lejber, l-avversarju Chris Fearne, ma deher imkien.

Tant ma nbidel xejn li Robert Abela spiċċa spalla ma’ spalla ma’ Konrad Mizzi.

F’Kordin, sar l-ewwel diskors tal-Mexxej Laburista l-ġdid, il-Prim Ministru ta’ wara Joseph Muscat.

Diskors li kien simili ħafna għal dak ta’ Joseph Muscat innifsu, bil-buzz words li wieħed  jassoċja mal-għazla tal-Korott tas-Sena 2019.

Fuq kollox, Robert Abela kompla bil-wegħda tiegħu tal-kontinwità, saħaq li moħħu mistrieħ bil-membri parlamentari kollha tal-Lejber.

Konrad Mizzi jifforma parti minn dan il-grupp, li wara l-iskandlu tal-Panama, Joseph Muscat ma keċċieħx. Issa, Robert Abela jidher li dwar dan m’hu se jagħmel.

Kontinwament nies f’Kastilja qed jissemmew fi skandli kbar u Minkejja li ħafna stennew li fl-ewwel diskors tiegħu, il-Prim Ministru ta’ wara Joseph Muscat kien se jindirizza s-sitwazzjoni serja li pajjiżna jinsab imdaħħal fiha, għal Robert Abela l-priorita hi l-kontinwità ma’ dak li wettaq Joseph Muscat.

Joseph Muscat kien wiegħed L-Aqwa Żmien ta’ Pajjiżna… u minkejja li evidentalment, dan iż-żmien baqa’ qatt ma wasal, Robert Abela jidher li se jkompli bl-Aqwa Żmien.