Lokali

Min hu l-mexxej tal-Partit Laburista?

Fl-età ta’ 42 sena, Robert Abela ġie elett bħala s-suċċessur ta’ Joseph Muscat bħala id-9 Mexxej tal-Partit Laburista u s-16-il Prim Ministru ta’ Malta.

Abela twieled fis-7 ta’ Diċembru tal-1977 fejn għex il-parti kbira ta’ tfulitu f’Wied il-Għajn. Iben l-eks Deputat Mexxej tal-Lejber u l-President Emeritus George Abela, hu attenda l-iskola sekondarja kif ukoll f’livell post sekondarju fil-Kulleġġ San Alwiġi.

Sussegwentament, fl-età ta’ 18-il sena beda l-kors tal- Liġi fl-Università ta’ Malta fejn kien hawn illi iltaqa’ ma’ Lydia, dik li ilum hija l-mara tiegħu.

Fl-1996 beda jifrex passejh fil-politika Laburista flimkien ma’ missieru, fejn ghenu fl-elezzjoni ġenerali.

Huwa ggradwa bħala avukat fl-2002 filwaqt li fl-2008 kien għal darb’oħra involut f’kampanja politika ma’ missieru. Dan wara li George Abela kien ikkontesta għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista wara r-reżenja ta’ Alfred Sant minn din il-kariga sforz it-telfa li l-Laburisti kienu ġarbu fl-elezzjoni Ġenerali mirbuħa mill-Partit Nazzjonalista dak iż-żmien immexxi mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Lura fis-6 ta’ Ġunju 2008, George Abela falla milli jikseb it-tmexxija ta-Partit u tal-Oppożizzjoni wara li Joseph Muscat kien kiseb aktar minn 66% tal-voti tad-Delegati.

Ftit inqas minn sena wara, fl-4 ta’ April 2009, missier Robert kien ġie maħtur mill-Gvern Nazzjonalista bħala President tar-Repubblika.

Fl-2012 Robert Abela żżewweġ lil Lydia. Il-koppja ghandhom tifla wahda; Georgia Mae.

Robert Abela ġie mħeġġeġ joħroġ minn Joseph Muscat għall-elezzjoni ġenerali tal-2017, sabiex jimla’ l-vojt li kienet ħalliet Marie Louise Coleiro Preca fuq is-sitt disrett. Huwa kien ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament…u gie elett it-tieni fit-Distrett minn fost il-Laburisti, wara Silvio Schembri u qabel Ian Borg. Hu serva bhala konsulent tal-Prim Ministru.

Dan ifisser li Robert Abela kien parti integrali mill-kabinett mmexxi minn Joseph Muscat fl-aħħar sentejn u nofs – u kien preżenti għal laqgħat delikati tal-aħħar xhur u ġimgħat. Fosthom tispikka l-laqgħa li damet sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu fejn allegatament widdeb lil Muscat li Keith Schembri kien lagħabu.

Joseph Muscat kien laħħaq ukoll lir-Robert Abela bħala ċ-Chairperson tal-Kumitat tal-ħatriet pubbliċi.

Fl-aħħar jiem, Robert Abela saħaq li ġaladarba jilħaq suċċessur ta’ Muscat – il-mara tiegħu, Lydia Abela, ser ikolha tirreżenja minn Segretarju tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista.