“Pajjiżna jixraqlu Gvern u amministrazzjoni pubblika serja b’rispett sħiħ lejn il-liġijiet u r-regoli tal-pajjiż, b’istituzzjonijiet li ma jkunux servili għall-interessi partiġġjani, u fejn Kastilja ma tibqax maħkuma mill-kriminalità u jgawdu l-ftit tal-qalba.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività politika fiż-Żejtun.
Adrian Delia qal li l-poplu u l-Oppożizzjoni issa qegħdin jesiġu li verament ikun hawn kontabbiltà, trasparenza, meritokrazija u governanza tajba. Huwa ċar li hemm nies li b’għemilhom ma jistgħux jibqgħu jiffurmaw parti mill-Gvern u l-amministrazzjoni tal-pajjiż. Huwa qal li Konrad Mizzi li ġie implikat f’każijiet ta’ korruzzjoni u f’kuntratti pubbliċi intiżi biex jisirqu lin-nies, għandu jitkeċċa minnufih minn Robert Abela. L-Avukat Ġenerali wkoll għandu jitneħħa wara li naqas ripetutament milli jaqdi dmirijietu u wara li l-Qorti sabitu ħati li kiser il-Kostituzzjoni li kellu jiddefendi u li kiser ukoll id-drittijiet fundamentali tal-Konvenzjoni Ewropea meta ried iżomm fil-kexxun ir-rapport dwar Egrant u ħoloq żbilanċ politiku bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni. Dr Delia qal li l-Avukat Ġenerali l-ġdid għandu jinħatar biż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti għas-serħan tal-moħħ li jaqdi lill-poplu u n-nazzjon.
Adrian Delia qal li għandu jitneħħa wkoll il-Kap taċ-Ċivil li taħtu l-amministrazzjoni pubblika spiċċat għodda tal-klikka f’Kastilja, u ta lilu nnifsu xogħol ieħor ma’ aġenzija tal-Gvern kontra r-regoli. Minfloku għandu jkun hemm persuna li tgawdi l-fiduċja u b’fibra li żżomm lis-settur pubbliku lill hinn mill-partiġġjaniżmu. Huwa qal li qed jistenna bħala fatt kompjut li Robert Abela jkeċċi lill-Kummissarju tal-Pulizija, u s-suċċessur tiegħu m’għandux jippermetti indħil politiku fil-Korp tal-Pulizija.
Il-Kap tal-PN tkellem dwar it-trasparenza u kif Robert Abela għandu minnufih jippubblika l-kuntratt tal-power station, li kienet fiċ-ċentru tal-korruzzjoni u l-kriminalità. Huwa qal li għandu jiġi ppubblikat ukoll il-kuntratt mal-Vitals u wara ma’ Steward, li bih tliet sptarijiet ingħataw għall-interessi privati u fejn l-Oppożizzjoni se tibqa’ tissielet biex dawn l-isptarijiet jingħataw lura lin-nies. Adrian Delia qal li l-Prim Ministru ġdid għandu jara li l-ebda kariga eżekuttiva fis-settur pubbliku ma tiġix mimlija mingħajr sejħa pubblika u proċess ta’ għażla, li jkun ħieles mill-indħil politiku.
Adrian Delia qal li l-ħatra ta’ Robert Abela qed issir taħt dell ikrah meta se jkun qiegħed jidħol f’Uffiċċju li jinsab investigat, post minfejn saret il-kriminalità u l-korruzzjoni u li jinsab implikat direttament fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal li Joseph Muscat se jibqa’ mfakkar għan-nuqqas ta’ azzjoni quddiem dan kollu u sal-aħħar baqa’ jiddefendi lil sħabu Keith Schembri u Konrad Mizzi. Adrian Delia qal li l-poplu issa qiegħed jistenna li kull min sab kenn f’Kastilja ma jibqax isib dan il-kenn u jieħu dak li ħaqqu. Dan biex infiequ mill-pjagi li ħalla warajh Joseph Muscat, u għalhekk trid issir ġustizzja sħiħa ma kull minn abbuża mill-poter li fdalu l-poplu u toħroġ il-verità u ssir ġustizzja.
//= $special ?>