Futbol Sport

Paulo Goncalves imut f’inċident traġiku fis-seba’ stadju

(Ritratt: EPA)

Is-sewwieq fil-kategorija tal-muturi Paulo Goncalves miet waqt is-seba’ stadju tar-Rally ta’ Dakar wara li sofra ġrieħi gravi wara incident li kellu fl-istadju speċjali minn Riyadh għal Wadi Al Dawasir.

L-organizzaturi rċevew twissija madwar il-11.00am ħin ta’ Malta u minnufih intbagħat ħelikopter li wasal fejn is-sewwieq ftit tal-minuti wara. It-tim mediku li wasal fuq il-post sab lix-xufier Portugiż mitluf minn sensih wara li sofra attakk f’qalbu. Minkejja l-isforzi li saru, is-sewwieq ġie ċċertifikat mejjet fl-isptar ta’ Layla.

Il-Portugiż spiċċa mal-ewwel għaxra fir-Rally ta’ Dakar f’erba’ okkażjonijiet u fl-2015 temm fit-tieni post. Wara l-istadju tal-Ġimgħa, Goncalves kien fis-46 post fil-klassifika ġenerali. Intant wara din l-aħbar traġika, saret laqgħa mas-sewwieqa tal-muturi u ttieħdet id-deċiżjoni flimkien biex it-tmien stadju fil-kategorija tal-muturi u l-quad bikes jitħassar.