Ir-Reġina Eliżabetta u l-Prinċep Harry, id-Duka ta’ Sussex, għada t-Tnejn, jissieħbu f’taħditiet, f’Sandringham, fejn mistennija jiddiskutu r-rwol ‘futur’ ta’ Harry u martu Meghan, id-Dukessa ta’ Sussex.
Mistenni wkoll li l-Prinċep Charles, missier Harry u l-ewwel fil-linja tal-eredità għat-tron tal-Ingilterra, ikun preżenti għal-laqgħa. Harry, f’dan il-każ, se jiddiskuti wkoll ma’ ħuh il-kbir — il-Prinċep William, id-Duka ta’ Cambridge li wkoll se jkun involut fit-taħditiet.
Id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex jiem ilu ħabbru l-pjani biex jieħdu pass lura bħala membri ewlenin tal-Familja Rjali Britannika. Intant, mhemm l-ebda suġġeriment li l-laqgħa tallum se twassal għal konklużjoni – wisq anqas arranġament li jkun aċċettabbli għan-naħat kollha.
Madankollu hemm xorta t-tamiet li t-taħditiet jipproduċu ‘il-pass li jmiss’ lejn id-definizzjoni tar-relazzjoni ġdida li se jkollhom Harry u Meghan mal-Familja Rjali.
L-impenn, sadanittant, qed isir skont ix-xewqa tar-Reġina Eliżabetta biex tinstab soluzzjoni fi ftit ġranet. Madankollu, mhemmx dubju li fadal ‘l-ostakli formidabbli’ x’jingħelbu f’dawn it-taħditiet.
Il-laqgħa kruċjali fir-residenza tar-Reġina f’Norfolk se ssegwi diversi laqgħat u konsultazzjonijiet wara ‘l-aħbar bomba’ tad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex li qed jaħsbu biex jirtiraw mid-doveri pubbliċi bħala rjali u jibdew jgħaddu ftit taż-żmien mhux ħażin fl-Istati Uniti. Huma għandhom ukoll il-ħsieb ewlieni ‘biex isiru finanzjarjament indipendenti’.
Intant, ir-Reġina, il-Prinċep Charles, William u Harry mistennija jirrevedu u janalizzaw diversi possibbiltajiet għall-koppja Sussex u fejn, fost oħrajn, jieħdu kont tal-pjani li fasslu bejniethom Harry u Meghan.
F’każ li ssir forma ta’ ftehim fil-jiem li ġejjin, hemm il-fehma ġenerali li jrid jgħaddi ż-żmien sakemm dan il-ftehim ikun implimentat.
Hu minnu, intant, li Meghan, fi tmiem il-ġimgħa, irritornat il-Kanada biex tkun ma’ binha, Archie, fost it-tħejjijiet għat-taħditiet f’Norfolk. Dan meta l-proċess tat-taħditiet għall-futur tad-Duka u d-Dukessa qed jinvolvu wkoll lill-Gvernijiet tar-Renju Unit u l-Kanada.
//= $special ?>