Lokali

Robert Abela kkonfermat mexxej tal-Partit Laburista

Il-Laburisti tkellmu bil-vot tagħhom. Disfatta ghall-Kabinett kollu. Rebħa għall-konsulent ta’ Muscat, Robert Abela. Telfa għall-Patt imxajtan. Rebħa li tkompli tkabbar il-qasma evidenti li hemm fil-Partit Laburista.

L-elezzjoni għal-leadership Laburista intrebħet mill-avukat Robert Abela illi kiseb 57.9% tal-voti mitfugħa – fi kliem sempliċi, daqqa ċara għad-Deputat Prim Ministru u għall-Ministri kollha li appoġjaw lil Chris Fearne.

Net News kien l-ewwel li wassal l-aħbar tar-rebħa ta’ Abela permezz tas-sit NetNews.com.mt, fejn xandarna wkoll ic-celebrazzjonijiet spontanji tat-tim ta’ Abela b’mod esklussiv.

Robert Abela se jkun id-9 Mexxej tal-Partit Laburista. Abela hu mizewweg lis-Segretarju tal-ezekuttiv tal-Partit Laburista Lydia Abela, ghandu 42 sena u huwa missier ta’ tifla, Giorgia Mae.

F’din l-elezzjoni li saret is-Sibt ivvutaw ‘il fuq minn 16,217 persuna.

B’kollox kien hemm 44 kaxxa li fihom intefgħu l-voti. F’Għawdex kien hemm 3 kaxxi, li waslu fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista għall-ħabta tal-10pm, biex imbgħad is-sorting tal-voti beda sagħtejn wara, għall-ħabta ta’ nofsillejl.

Intant, dan ir-rizultat ifisser li Chris Fearne se jibqa’ fejn kien – Ministru. U se jibqa’ mingħajr party tar-rebħa.

B’dikjarazzjonijiet strambi ta’ dan it-tip tul il-kampanja, illi ma tantx għamlu ġid lid-Deputat Prim Ministru, issa l-pożizzjoni tiegħu tinsab totalment kompromessa. Kif inhi kompromessa l-pożizzjoni ta’ Ministri bħal Ian Borg, Owen Bonnici u oħrajn.