Sport Sport Ieħor

Sainz ikompli jkabbar il-vantaġġ fil-quċċata bir-rebħ tas-seba’ stadju

(Ritratt: EPA)

Carlos Sainz kompla jkabbar il-vantaġġ fil-quċċata tal-klassifika ġenerali wara li rebaħ is-seba’ stadju tar-Rally ta’ Dakar li kien it-tielet wieħed għalih f’din l-edizzjoni.

L-istadju tal-lum kien twil 546 kilometru minn Riyadh lejn Wadi ad-Dawasir. Iċ-champion renjanti Nasser Al-Attiyah u Yasir Seaidan kienu fuq quddiem fil-bidu tal-istadju, iżda Sainz mar fuq quddiem lejn nofs l-istadju u għeleb lil Al-Attiyah b’żewġ minuti. B’hekk il-vantaġġ ta’ Sainz fuq Al-Attiyah fil-klassifika ġenerali kiber għal 10 minuti.

Stephane Peterhansel jinsab disa’ minuti wara Al-Attiyah u 19-il minuta wara Sainz, b’ħames stadji għat-tmiem. L-istadju tal-bieraħ kien ir-raba’ wieħed konsekuttiv li żewġ karozzi Mini buggies u Al-Attiyah temmew fl-ewwel tliet postijiet.

Yazeed Al-Rajhi kompla jsaħħaħ postu fir-raba’ post fil-klassifika ġenerali hekk kif kabbar il-vantaġġ fuq Orlando Terranova. Id-darbtejn rebbieħ tal-Formula 1 Fernando Alonso temm l-istadju fis-sitt post u fil-klassifika ġenerali jinsab fil-15-il post, tliet sigħat, 26 minuta u żewġ sekondi wara Sainz.

Kif spiċċaw is-seba’ stadju: 1. Carlos Sainz (4:16.11), 2. Nasser Al-Attiyah (+2.12), 3. Stephane Peterhansel (+2.53), 4. Bernhard ten Brinke (+2.58), 5. Yazeed Al Rajhi (+7.36), 6. Fernando Alonso (+7.49), 7. Giniel de Villiers (+10.19), 8. Jakub Przygonski (+11.41), 9. Orlando Terranova (+12.04), 10. Yasir Seaidan (+13.32)

Klassifika Ġenerali: 1. Carlos Sainz (27:49.14), 2. Nasser Al-Attiyah (+10.00), 3. Stèphane Peterhansel (+19.13), 4. Yazeed Al Rajhi (+44.24), 5. Orlando Terranova (+55.58), 6. Giniel de Villiers (+1:05.58), 7. Bernhard ten Brinke (+1:15.56), 8. Mathieu Serradori (+1:21.57), 9. Yasir Seaidan (+2:13.43), 10. Wei Han (+3:08.30)