Sport Sport Ieħor

Serena Williams tirbaħ l-ewwel titlu mill-2017

(Ritratt: AFP/Michael Bradley)

Wara ħafna stennija, Serena Williams rebħet l-ewwel titlu tagħha minn kemm ilha li welldet. Fil-finali hi għelbet lil Jessica Pegula 6-3, 6-4 biex rebħet l-Auckland Classic, li hu l-ewwel unur għaliha mill-2017 meta rebħet l-Open tal-Awstralja. Fil-finali hi ddominat lil Pegula, l-istess bħar-rebħa ta’ 6-1, 6-1 li kisbet fuq Amanda Anisimova.

Għal Williams dan kien it-73 titlu WTA fil-karriera tagħha u tista’ tħares b’ottimiżmu biex tipprova tirbaħ l-Open tal-Awstralja aktar tard dan ix-xahar. L-Amerikana ta’ 38 sena, qed timmira li tirbaħ l-24 Grand Slam fil-karriera tagħha wara li fl-aħħar snin tilfet erba’ finali ta’ Grand Slam.

Il-veterana falliet milli tirbaħ il-finali tad-doubles wara li flimkien ma’ Caroline Wozniacki, tilfet 6-4, 6-4 kontra l-Amerikani Asia Muhammad u Taylor Townsend. Wozniacki tilfet kontra Pegula fis-semifinali tat-tournament individwali u se tirtira wara l-Open tal-Awstralja li jibda fl-20 ta’ Jannar.