Internazzjonali

Turkija: Imutu t-tfal wara l-għarqa ta’ dgħajsa

Talanqas tmient itfal kienu fost numru ta’ immigranti li tilfu ħajjithom meta d-dgħajsa li kienu fiha għerqet ‘il hinn mill-kosta tat-Turkija.

In-nazzjonalità tal-vittmi ma kenitx magħrufa, meta t-Turkija ilha żmien isservi bħala punt tat-tluq għall-immigranti li qed jippruvaw jaslu fl-Ewropa, permezz tal-Greċja. Ħafna minn dawn l-immigranti qegħdin jaħarbu mill-vjolenza u l-persekuzzjoni f’pajjiżhom ta’ oriġini.

Intant, tmien persuni oħra mid-dgħajsa kienu salvati  mill-ibħra ‘il hinn minn Cesme – li hi resort popolari mat-turisti mal-kosta tal-Eġew u li tinsab man-naħa l-oħra mill-gżira Griega ta’ Chios. Dan wara li l-gwardjani tal-kosta wieġbu ‘għall-għajjat li kien ġej minn zona ta’ baħar partikulari’.

Bħalissa, eluf ta’ immigranti qegħdin jgħixu f’siti ta’ Chios fost kundizzjonijiet ta’ iffullar u nuqqas ta’ faċilitajiet sanitarji.