Futbol Sport

Żewġ gowls kmieni fil-logħba jpoġġu lil Juventus fil-quċċata

(Ritratt: EPA)

Juventus ħadu vantaġġ mid-draw ta’ Inter is-Sibt meta għelbu lil Roma 2-1 biex jinsabu waħedhom fil-quċċata fi tmiem l-ewwel rawnd. Torino jinsabu fiż-żona Ewropea filwaqt li Sampdoria rebħu dwell dirett fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika kontra Brescia.

FIRENZE – Fiorentina kisbu rebħa importanti fi Stadio Artemio Franchi meta għelbu lit-tim tal-qiegħ Spal 1-0. Il-gowl deċiżiv wasal fit-82 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ GERMAN PEZZELLA minn korner mil-lemin.

RUMA – Żewġ gowls kmieni fil-logħba kienu deċiżivi biex Juventus jiksbu rebħa importanti ta’ 2-1 kontra Roma fi Stadio Olimpico. MERIH DEMIRAL fetaħ l-iskor wara biss tliet minuti meta kompla għal ġewwa free-kick mix-xellug. Juventus irduppjaw fl-10 minuta meta ġie ġġudikat li Jordan Veretout waqqa’ lil Paulo Dybala fil-kaxxa. Mill-11-il metru CRISTIANO RONALDO ma żbaljax.

Roma tilfu lil Nicolò Zaniolo fl-ewwel taqsima fejn kellu jiġi mibdul u mistenni jdum barra għal diversi xhur. Roma daħlu fil-logħba f’nofs it-tieni taqsima meta ngħataw penalty wara li l-ballun ħabat ma’ id Alex Sandro fil-kaxxa. DIEGO PEROTTI ma żbaljax mill-penalty. Fl-aħħar minuti Roma żiedu l-isforzi tagħhom iżda ma rnexxielhomx isibu l-gowl tad-draw.

GENOVA – Fi Stadio Marassi, Sampdoria rebħu dwell kontra Brescia f’konfront fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika. Ironikament kien JHON CHANCELLOR li poġġa lil Brescia fil-vantaġġ wara 12-il minuta b’daqqa ta’ ras mill-viċin.

KAROL LINETTY ġab id-draw fl-34 minuta b’xutt fil-baxx mill-ewwel biex JAKUB JANKTO poġġa lil Sampdoria minn fuq qabel tmiem l-ewwel taqsima b’xutt mill-ewwel. FABIO QUAGLIARELLA għamel l-iskor 3-1 minn penalty fid-69 minuta, b’GIANLUCA CAPRARI jkabbar il-vantaġġ fis-77 minuta. FABIO QUAGLIARELLA ssiġilla r-rebħa fl-aħħar minuti tal-logħba.

TURIN – Torino telgħu fis-seba’ post b’rebħa ta’ 1-0 kontra Bologna fi Stadio Olimpico Grande Torino. ALEX BERENGUER iddeċieda l-konfront wara 11-il minuta meta rċieva kross fil-baxx ta’ Andrea Belotti u skorja b’xutt fil-baxx.

VERONA – Verona komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni b’rebħa fi Stadio Bentegodi kontra Genoa bl-iskor ta’ 2-1. ANTONIO SANABRIA poġġa lil Genoa fil-vantaġġ fil-41 minuta iżda VALERIO VERRE ġab id-draw minn penalty fil-55 minuta. MATTIA ZACCAGNI skorja l-gowl tar-rebħa għaxar minuti wara minn rebound.

UDINE – Udinese telgħu lejn nofs il-klassifika b’rebħa fid-Dacia Arena ta’ 3-0 kontra Sassuolo. STEFANO OKAKA fetaħ l-iskor wara 14-il minuta b’daqqa ta’ ras b’saħħitha minn korner. KEN SEMA rdoppja fit-68 minuta b’xutt djagonali fil-baxx biex RODRIGO DE PAUL issiġilla r-rebħa fid-90 minuta.