Lokali

Allegazzjonijiet serji dwar skandlu ieħor għandhom jiġu mwieġba – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jieħu bl-akbar serjetà dak li ġie żvelat minn The Shift News dwar il-kumpanija Streamcast Technologies li kellha tinvesti l-miljuni f’data centre fil-mini tal-Enemalta fil-Marsa iżda minflok jidher li l-Gvern Laburista għamel deal li gie deskrit bħala scam imħallas minn flus il-poplu.

F’dan ir-rapport, qed ikun allegat li kien hemm pjan qarrieqi sabiex jinsterqu €5 miljun mit-taxxi tal-poplu.

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal illi qed jistenna r-risposti u l-ispjegazzjonijiet ta’ Robert Abela bħala l-Prim Ministru u tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat dwar dan il-każ. Il-poplu jistenna wkoll spjegazzjoni dettaljata mill-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi u taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Frederick Azzopardi, u li tintrefa’ r-responsabbiltà ta’ kull min ħa dawn id-deċiżjonijiet.

Dan jidher li huwa skandlu ieħor tal-mistħija li l-Oppożizzjoni se tkun qed tistenna li jiġi awditjat u investigat u allura l-Gvern u l-Enemalta għandhom ħafna xi jwieġbu. 

Il-Partit Nazzjonalista, fl-istqarrija maħruġa mill-Viċi Kap David Agius, qal illi se jibqa’ jisħaq li li kull kuntratt jew ftehim li sar fil-qasam tal-enerġija għandu jiġi investigat għax il-Gvern Laburista issa għandu track record ikkulurit fil-korruzzjoni u s-serq sfaċċat mill-bwiet tan-nies. 

Robert Abela għandu jispjega kif intgħażlet din il-kumpanija li m’għandha l-ebda esperjenza f’dan il-qasam u min għażilha. Jekk irid jittieħed bis-serjetà, Robert Abela għandu jitlob spjega mill-Ministru Mizzi u jgħid lill-poplu d-dettalji kollha dwar ż-żjara tiegħu fl-Indja f’Mejju tal-2018 biex iżur id-data centres fantażma ta’ din il-kumpanija li lanqas biss kien għadhom inbnew. 

Il-Partit Nazzjonalista qed jistenna wkoll li l-Ministru Joe Mizzi jispjega xi rwol kellhom Brian Tonna u Karl Cini tan-Nexia BT f’dan kollu, u x’ġara minn dan it-taparsi investiment ta’ €5 miljun li sar mit-taxxi tagħna, u li l-poplu Malti qatt ma ħa xejn lura minnu.

“Min ħa dawn il-flus?… Il-poplu jixraqlu aħjar. Il-poplu jrid jingħata r-risposti”, sostna l-PN fl-istqarrija.

Stqarrija mill-Enemalta

B’referenza għar-rapporti fil-midja fuq l-involviment u r-relazzjoni bejn l-Enemalta plc u Streamcast Technologies Inc., l-Enemalta tiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet miġjuba f’dawn ir-rapporti. L-Enemalta ma għamlet l-ebda investiment ta’ flus fil-proġett, u l-bini tad-data centre kien kompletament ir-responsabilita’ ta’ Streamcast Technologies Inc.

Ir-rwol ta’ Enemalta kien limitat fil-kiri tal-ispazju għad-data centre, liema kirja saret skond il-liġi applikabbli bil-permessi kollha rikjesti. In oltre, Enemalta tissupplixxi l-elettriku lid-data centre bħal f’kull ażjenda kummerċjali oħra.