Sport

Atlas Insurance b’kollaborazzjoni mal-Għaqda Ġurnalisti Sport biex jonoraw atleti żagħżagħ

Atlas Insurance, waħda mill-kumpaniji tal-assigurazzjoni ewlenin f’Malta, għadha kemm ingħaqdet mal-Għaqda Ġurnalisti Sports sabiex ġie mniedi l-unur tal-Aqwa Atleta Żagħżugħ tax-Xahar li se jkun magħruf bħala The Atlas Youth Athlete of the Month.

L-iskopijiet wara dan l-unur ta’ kull xahar huma diversi.  L-ewwel nett dan l-unur huwa intenzjonat għal dawk l-atleti li ma jkollomx aktar minn 21 sena u li jkunu ddistingwew ruħhom fil-qasam sportiv kemm għal dawk li huma riżultati lokali u internazzjonali kif ukoll għat-turija tal-valuri sportivi.

Id-dixxiplini sportivi kollha kemm individwali kif ukoll dawk bħala timijiet ser ikunu kkunsidrati għal dan l-unur. Dan l-unur huwa intenzjonat sabiex jippromwovi l-attivita fiżika kif ukoll sport kompetittiv fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa u sabiex jiġġenera mudelli ta’ xempju pożittiv fost iż-żagħżagħ in ġenerali.

Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance qal, “Atlas Insurance ilha tiġi assoċjata mal-isport, avvenimenti sportivi u saħħa għal ħafna snin. Il-valuri sportivi ta’ impenn, passjoni u rispett jirriflettu l-valuri tagħna. Fl-istess ħin nemmnu li għad hemm ħafna xi jsir sabiex ninkoraġġixxu ż-żgħażagħ Maltin sabiex ikunu attivi fl-isport kemm għall-benefiċċju tagħhom kif ukoll għall-komunità li jgħixu fiha. Sinċerament nemmnu li jekk inħeġġu l-isport fost iż-żgħażagħ ir-riżultat ikun ta’ Malta aktar b’saħħitha fil-futur.”

Bord magħmul minn tliet ġurnalisti sportivi se jkun qed jevalwa r-riżultati u l-imġieba ta’ atleti żgaħżagħ f’Malta u Għawdex. Dan il-bord huwa mmexxi mill-President Onorarju tal-Għaqda Ġurnalisti Sports u President tal-AIPS Europe Charles Camenzuli bil-membri l-oħra huma Mario Bonnici (One Sport) u Joanna Camilleri (PBS).

Wara l-evalwazzjoni ta’ kull xahar, il-Bord jinforma kemm lil Atlas Insurance kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sports bl-għażla tiegħu u l-atleta rebbieħ jiġi ppremjat ix-xahar ta’ wara bl-ewwel premjazzjoni ssir fi Frar 2020. Il-Bord għandu jipprovdi raġunijiet għall-għażla tiegħu u kull rebbieħ se jirċievi mingħand Atlas Insurance trofew kif ukoll voucher li jissarraf fi ħwejjeġ/prodotti sportivi tal-għażla tiegħu.

Għalkemm mhux se jkun hemm sejħa uffiċjali għan-nominazzjonijiet, assoċjazzjonijiet sportivi u federazzjonijiet jistgħu jikkuntattjaw lill-GħĠS bl-ismijiet ta’ atleti li għandhom jiġu kkunsidrati għal dan l-unur.

Hekk kif tintemm is-sena, se jkun organizzat avveniment f’Jannar 2021 fejn Atlas Insurance flimkien mal-Għaqda Ġurnalisti Sport u l-Bord tas-Selezzjoni jħabbru r-rebbieħ tal-Atlas Youth of the Year Award 2020 minn fost it-tnax-il rebbieħ preċedenti.

Sandro Micallef, President tal-Għaqda Ġurnalisti Sport qal li “Ninsabu kburin li ngħaqadna ma’ Atlas Insurance sabiex innhiedu dan l-unur innovattiv li jiffoka fuq l-akkwisti u l-kwalitajiet tal-atleti żgħażagħ.”

Huwa kompla jgħid li, “Is-sena 2020 se tkun waħda mpenjattiva u ta’ sfida għall-Kumitat Eżekuttiv tal-GħĠS kif ukoll għall-membri tagħna peress li se nkunu qed niċċelebraw żewġ anniversarji importanti li huma s-60 sena mill-ewwel edizzjoni tal-Għażliet Sportivi Nazzjonali li kienu oriġinarjament inbdew minn Benny Pace fl-1960 u l-50 anniversarju mill-fondazzjoni tal-Għaqda tagħna.”

L-Għaqda Ġurnalisti Sport hija organizzazzjoni volontarja ffurmata minn ġurnalisti sportivi Maltin. Din l-assoċjazzjoni rat il-bidu tagħha fl-1970 u minn dejjem kienet fuq quddiem sabiex tippromwovi l-isport Malti fil-midja lokali. L-Assoċjazzjoni ta’ kull sena torganizza l-Għażliet Sportivi Nazzjonali u hija membru ta’ SportMalta, l-AIPS u l-AIPS Europe.

Atlas Insurance ser ikunu wkoll qed jikkolaboraw fis-60 edizzjoni tal-iSportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali li se jsiru nhar is-Sibt 22 ta’ Frar 2020.