Futbol Sport

Gżira jiddominaw u jitilgħu fit-tieni post b’rebħa fuq Ħamrun

(Ritratt: James Galea)

Rapport: Rowen Camilleri

ĦAMRUN SPARTANS……… 0

GŻIRA UNITED………………. 3

Ħamrun: M. Bartolo, A. Capitelli, A. Scicluna (C. Borg 67’), J. Soares, C. Failla (M. Tabone 81’), M. Gauci, N. Leone, C. Cutajar (C. Galea 78’), D. Borg, K. Micallef, M. Cinquini

Gżira: J. Haber, G. Conti, N. Muscat, R. Soares, A. Cohen (M. Davies 61’), J. Corbalan, H. Kone (L. Brincat 84’), S. Borg, A. Samb, W. Domoraud (C. Sammut 87’)

Imwissija: J. Corbalan 26’, S. Borg 53’, R. Soares 54’, H. Kone 69’ (G), M. Cinquini 42’, A. Scicluna 56’ (Ħ)

Skorjaw: H. Kone 18’, M’ Davies 68’, W. Domoraud 82’(G)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Theodore Zammit

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Amadou Samb (Gżira United)

BOV Plejer tal-logħba: Hamed Kone (Gżira United)

Attendenza: 390

F’dik li kienet l-aħħar partita mill-14-il ġurnata tal-Kampjonat Premier, Gżira United għelbu lil Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 3-0, f’partita li l-Maroons iddominaw għalkollox.

B’din ir-rebħa t-tim ta’ Giovanni Tedesco tela’ waħdu fit-tieni post bi 28 punt, tliet punti biss taħt il-leaders Floriana li l-Ħadd li għadda sofrew l-ewwel telfa tal-istaġun kontra Birkirkara. Ħamrun ta’ Blasi, komplew bil-forma negattiva hekk kif din kienet is-seba’ logħba konsekuttiva mingħajr rebħa, u li tħallihom fid-disa’ post bi 18-il punt.

L-attakkant Franċiż, Wilfried Domoraud iddebutta għal Gżira kontra l-eks tim tiegħu wara li ngħaqad magħhom aktar kmieni dan ix-xahar kif għamel ukoll Ryan Darmanin. Gżira mistennija wkoll iħabbru lill-midfielder Taljan Marco Criaco li, kif tħabbar mill-paġna ta’ Replay fuq facebook, jidher li hemm ftehim bejn il-klabbs u anke mal-plejer. Gżira iżda tilfu pedina importanti fil-jiem li għaddew hekk kif it-tieni l-akwa skorer tal-kampjonat Jefferson de Assis laħaq ftehim ma’ Fujairah f’Dubai.

Gżira United fetħu l-iskor fit-18-il minuta meta minn kross tal-eks tal-partita Wilfried Domoraud, HAMED KONE bir-ras għeleb lil Bartolo wara li l-ballun ħabat mal-minduda qabel daħal fix-xibka. Fil-35 minuta Ħamrun Spartans marru l-ewwel darba viċin li jiskurjaw meta minn żball ta’ Rodolfo Soares, il-ballun ġie għand Jorge Soares li avvanza iżda x-xutt tigħu ġie milqugħ b’diffikultà minn Haber.

Minuta wara fuq in-naħa l-oħra, kross ta’ Sacha Borg sab lill-captain ta’ Gżira Andrew Cohen li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tiġi milqugħa bi bravura minn Bartolo li dawwar f’korner. Fit-42 minuta minn kontratakk ta’ Gżira, Samb ħarab mal-linja, krossja lejn in-nofs u Domoraud minn qagħda komda tefa’ l-ballun barra.

Erba’ minuti biss mill-bidu tat-tieni taqsima, Ħamrun laqtu l-lasta meta l-free-kick ta’ Clayton Failla stampa mal-mimduda u baqa’ sejjer barra. Fis-57 minuta, Amadou Samb żmarka ruħu tajjeb u saħansitra qabeż lill-gowlkiper iżda l-konklużjoni tiegħu ġiet mbiegħda minn fuq il-linja miż-żagħżugħ Darren Borg.

Gżira United irduppjaw fit-68 minuta meta Hamed Kone ipprovda assist lil MARTIN DAVIS li mill-viċin ma kellu l-ebda diffikultà biex jegħleb lil Bartolo. Gżira ssiġillaw ir-rebħa fit-82 minuta meta l-Plejer tal-Logħba Hamed Kone irnexxielu jaqbeż lill-gowlkiper u xeħet kross lejn in-nofs li sab lil WILFRIED DOMORAUD li bir-ras tefa’ fix-xibka.