Il-vulkan Taal, li jinsab f’Talisay, fil-provinċja ta’ Batangas, beda jarmi l-lava fost it-twissijiet mill-awtoritajiet tal-pajjiż li kienu qed jistennew ‘żbroff kbir u perikoluż’ li seta jasal anki fi kwistjoni ta’ sigħat.
Wara li, fi tmiem il-ġimgħa, spikka gelgul ta’ duħħan mill-vulkan, il-lava bdiet tbewweġ sew minn Taal fis-sigħat bikrin tallum. Fis-sigħat preċedenti, kienet seħħet l-evakwazzjoni ta’eluf ta’ residenti miz-zoni viċin il-vulkan – bl-awtoritajiet ta’ Batangas ( il-provinċja tal-madwar) jiddikjaraw stat ta’ emerġenza li tenfasizza l-livell tat-theddida minn din is-sitwazzjoni.
Taal hu t-tieni l-aktar vulkan attiv fil-Filippini. Dan il-vulkan jinsab fuq gżira fiċ-ċentru ta’ lag u, skont il-kronika, kellu talanqas 24 żbroff f’dawn l-aħħar 450 sena.
Intant, l-osservaturi qed jirreġistraw dettalji ‘tat-taqlib intensiv tal-vulkan’ waqt li ma jeskludux li Taal qed iħejji biex jarmi ‘mewġ ta’ ġmied, blat u gassijiet’ – bil-livell tal-allert, fl-inħawi, jiżdied għal ‘4’ minn massimu ta’ ‘5’.
L-aħħar rapporti qalu li diversi zoni qrib il-vulkan spiċċaw koperti mill-ġmied, bir-residenti jkunu avżati biex jilbsu l-maskli minħabba l-kwalità fqira tal-arja.
//= $special ?>