Il-Papa rtirat, Benedittu XVI, ħareġ jiddefendi l-ħtieġa taċ-ċelibat għall-qassisin tal-Knisja Kattolika. Dan meta l-Papa Franġisku – is-suċċessur ta’ Benedittu – qed jikkunsidra li jnaqqas mir-riġidità tar-regola li tipprojbixxi lill-irġiel miżżewwġin milli jservu bħala qassisin.
Benedittu għamel l-appell tiegħu fi ktieb li kiteb huwa stess flimkien mal-Kardinal Robert Sarah. L-appell, intant, hu reazzjoni għall-proposta biex l-irġiel miżżewwġin ikunu ordnati qassisin fir-reġjun tal-Amażjona.
Il-Papa Benedittu, li rtira fl-2013 u li llum għandu 92 sena, għamilha ċara li ma setax jibqa’ sieket dwar din il-kwistjoni.
Dan meta hu, permezz tal-ktieb, saħaq li ċ-ċelibat (tradizzjoni antika ħafna fi ħdan il-knisja) għandu ‘sinifikat kbir’ għaliex jgħin biex il-qassisin jikkonċentraw fuq id-doveri tagħhom, Benedittu jemmen li ‘mhux possibbli li bniedem jirrealizza fl-istess ħin il-vokazzjoni ta’ qassis u l-ħajja bħala persuna miżżewwġa’.
Hi ħaġa rari li l-Papa Benedittu, li sar l-ewwel Papa li rriżenja fi kważi 600 sena, jintervjeni fl-affarijiet tal-kleru.
//= $special ?>