Lokali Saħħa

Imniedi studju dwar is-saħħa mentali fit-tfal

Fl-aħħar ġimgħat ġiet imnieda riċerka bil-ghan li tistudja s-saħħa mentali fit-tfal u żgħażagħ. Studju li se jkun qed jinkludi etajiet li jvarjaw bejn 5 snin sa 16-il sena, b’riċerka li tinvolvi wkoll il-ġenituri u l-għalliema.

Ħadna l-kumment tat-tabiba li qed tispeċjalizza fil-Psikjatrija, Rosemarie Sacco, li bħalissa qed tagħmel anki taħriġ fir-Renju Unit, illi tatna aktar dettalji dwar dan l-istudju.

It-tabiba Rosemarie Sacco

“Ir-riċerka se tgħin biex intejbu s-servizz fil-konfront tas-saħħa mentali, speċjalment f’dik tat-tfal”

Hija qaltilna li f’dan l-istudju jixtiequ jaraw kif jista’ jkun hemm appoġġ lil kulħadd, appoġġ mhux biss permezz tal-mediċina.

Waqt li ħeġġet biex ikun hawn parteċipazzjoni, hija tat ħarsa tal-applikazzjonijiet li jridu jimtlew biex tissaħħaħ ir-riċerka. Din l-applikazzjoni la darba timtela’ permezz tagħha se jsir “sampling”, biex ir-riċerka tissokta u tolqot il-bnadi kollha ta’ Malta u Għawdex.

L-applikazzjoni biex tipparteċipa

L-għalliema wkoll li se jipparteċipaw għandhom questionare li mhux biss se jgħin fir-riċerka li qed issir, imma wkoll se jgħin lill-għalliema jħarsu anki minn perspettiva differenti li tista’ taqdi u sservi tajjeb għall-funzjoni fil-klassi.

It-tabiba Sacco qaltilna li bħalissa hemm 30 skola li qed tipparteċipa f’din ir-riċerka, u b’kollox s’issa hemm mal-11,000 persuna bl-etajiet ivarjaw minn 5 sa 16-il sena.

Ħadna wkoll il-kumment tal-Psikjatra tat-Tfal, Nigel Camilleri, fejn spjegalna wkoll is-sitwazzjoni tas-saħħa mentali tat-tfal f’pajjiżna.

“Dan l-istudju huwa uniku, l-ewwel studju bħalu li qed isir Malta”.

Huwa qal li t-tabiba Sacco ħadet din l-inizjattiva li minnhom se jifmhu l-ħtiġijiet ta’ pajjiżna fis-settur tas-saħħa mentali, u tat-tfal f’pajjiżna. Il-Psikjatra Camilleri qal li dan se jgħin biex is-saħħa mentali timxi pass ‘il quddiem, u nkunu nafu kemm għandna bżonn tobba, infermiera u ħaddiema jaħdmu f’dan is-settur tas-saħħa tant importanti.

“Irridu naħdmu u rridu nissodisfaw il-kriterji neċċessarji biex naħdmu, dan l-istudju se jgħin”

L-istudju qiegħed isir wkoll billi jsir tqabbil tas-saħħa mentali fit-tfal Maltin, ma’ dawk f’pajjiżi oħra. Huwa qalilna li mill-ewwel figuri jidher li bħala persentaġġi Malta qiegħda timxi mal-kumplament tal-Ewropa. Huwa qal li Malta iżda jaf ikun hawn ċirkustanzi differenti li forsi se jvarjaw meta mqabbla mal-Ewropa.

Dan l-istudju qiegħed isir bl-għajnuna tal-Assoċjazzjoni tas-Saħħa Mentali għat-Tfal u l-Adoloxxenti, Il-Kunsill Malti tal-għaqdiet voluntarji u Mental Health Malta.


Il-Psikjatra Nigel Camilleri