Internazzjonali

Iran: Il-pulizija jiċħdu li sparaw fuq dimostranti f’Tehran

Il-Pulizija f’Tehran, il-kapitali tal-Iran, ċaħdu li fetħu n-nar fuq dimostranti li ħarġu jipprotestaw kontra t-twaqqigħ tal-ajruplan tal-passiġġieri Ukren li rriżulta fil-mewt tal-176 ta’ fuqu – fil-parti kbira Iranjani u Kanadiżi.

L-ogħla kapijiet tal-Pulizija qalu li qabel id-dimostrazzjonijiet, il-membri tal-korp ingħataw id-direttivi biex ‘jeżerċitaw il-kontroll’ f’sitwazzjoni delikata u diffiċli.

Madankollu, sensiela ta’ filmati li bdew jiċċirkolaw fuq l-Internet indikaw waqtiet ta’ sparar u b’filmat partikulari juri grupp ta’ nies qegħdin jerfgħu mara midruba.

Filmat ieħor, allegatament, juri membri ta’ qawwa paramilitari (li s-soltu tintuża biex tikkontrolla l-inkwiet domestsiku) qegħdin jattakkaw lid-dimostranti waqt li fl-isfond jinstemgħu ‘ħsejjes simili għal sparar’.

L-ammissjoni ta’ responsabbiltà għat-twaqqigħ tal-ajruplan mill-Istat wasslet għal espressjonijiet ta’ rabja kbira fl-Iran fil-konfront tal-amministrazzjoni Iżlamika.

Filwaqt li l-Iranjani, jiem qabel, kienu magħqudin fil-luttu għall-qtil tal-Ġeneral ewlieni tal-Iran, Qasem Soleimani, li spiċċa mira ta’ attakk bi drone tal-Istati Uniti, numru kbir ta’ dimostranti, fl-aħħar sigħat, sfugaw l-għadab kontra l-Gvern Iranjan u l-Gwardja Repubblikana tal-pajjiż li l-membri tagħha kienu niżżlu l-ajruplan Ukren.