Sport Waterpolo

It-tim Malti preparat biex jagħti prestazzjoni pożittiva kontra Spanja fil-Kampjonat Ewropew

Għada t-tim nazzjonali Malti jagħmel id-debutt f’din l-edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew kontra t-tim ta’ Spanja li fl-aħħar edizzjoni wasal sal-finali. Il-konfront kif mistenni se jkun diffiċli għat-tim Malti kontra nazzjon li diġà kkwalifika għall-edizzjoni li jmiss tal-Olimpjadi.

F’dan il-konfront, il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo se jkun qed juża l-plejers kollha għad-dispożizzjoni biex minbarra li jieħdu l-esperjenza, iserraħ ukoll xi plejers qabel il-konfront importanti kontra t-Turkija l-Ħamis li ġej.

Għal dan il-konfront, l-għan prinċipali se jkun li jinżamm l-iskor baxxa kemm jista’ jkun kif ukoll li l-plejers Maltin iżommu l-pussess kemm jista’ jkun possibbli. Il-plejers kollha jinsabu f’kundizzjoni tajba, speċjalment dik tal-plejer Jordan Camilleri li fl-aħħar jiem kien għadu qed jirkupra l-aħjar kundizzjoni tiegħu.

Din se tkun it-tieni edizzjoni konsekuttiva li Malta se tilgħab kontra Spanja. F’Lulju tal-2018 f’Barcelona, Spanja dakinhar bħala organizzaturi, kienet rebħet 21-4. L-erba’ gowls ġew skorjati minn doppjetta ta’ Stevie Camilleri, Matthew Zammit u Jerome Gabarretta.

It-tim Malti wasal l-Ungerija l-Ħadd b’sessjoni ta’ taħriġ li ffukat aktar fuq l-għawm. Illum it-tim ta’ Karl Izzo tħarreġ darbtejn f’sessjonijiet li ffukaw aktar fuq għawm veloċi kif ukoll fis-sitwazzjonijiet ta’ raġel aktar u raġel anqas.

L-akkomodazzjoni għall-kontinġent Malti mmexxi mill-Viċi President tal-ASA Karl Galea hi tajba hekk kif minbarra l-organizzazzjoni, jinsabu f’post li hu ftit distakkat miċ-ċentru. Illum, il-plejers Maltin kellhom ukoll l-opportunità li jżuru d-Duna Arena majestuża li fiha se jilagħbu l-logħbiet tagħhom. Din hi t-tielet edizzjoni konsekuttiva li Malta tinsab mal-aqwa sittax tal-Ewropa.

L-iskwadra finali

Nicky Grixti (Sliema), Jerome Gabarretta (Sliema), Andreas Galea (San Ġiljan), Gabriel Pace (Neptunes), Darren Zammit (San Ġiljan), Matthew Zammit (San Ġiljan), Stevie Camilleri (Neptunes), Jordan Camilleri (Neptunes), Jeremy Abela (Neptunes), Aurelien Cousin (Exiles), Ben Plumpton (San Ġiljan), Dino Zammit (San Ġiljan), Alan Borg Cole (Neptunes)

Il-programm ta’ għada t-Tlieta

Grupp A: Slovakkja v Montenegro 11.30am, Ġermanja v Kroazja 2.30pm

Grupp B: Serbja v Russja 5.30pm, Rumanija v Olanda 10.00am

Grupp Ċ: Malta v Spanja 1.00pm, Turkija v Ungerija 7.30pm

Grupp D: Franza v Georgia 4.00pm, Italja v Greċja 9.00pm