Il-Prim Ministru tal-Kanada, Justin Trudeau, se jinsisti biex issir ‘ġustizzja’ mal-vittmi tal-ajruplan tal-passiġġieri (Boeing) tal-Ukraine International Airlines li, jiem ilu, twaqqa’ bi żball mill-militar tal-Iran waqt li kien fi triqtu lejn Kiev, fl-Ukrajna. It-traġedja seħħet ftit wara li l-Iran kien spara l-missili lejn bażijiet fl-Iraq fejn hemm stazzjonati l-qawwiet tal-Istati Uniti.
Trudeau ħareġ bil-wiegħda waqt li kien qed jattendi vejla, f’Edmonton (Alberta) għas-57 passiġġier Kanadiż li mietu fit-tiġrif tal-ajruplan. Il-Prim Ministru beħsiebu jinsisti għat-tweġibiet mingħand l-Iran li ammetta, fi tmiem il-ġimgħa, li l-militar tiegħu niżżel l-ajruplan ‘f’azzjoni li ma kenitx intenzjonata’, bir-riżultat li mietu l-176 persuna abbord.
L-Iran, qabel, kien ċaħad għal suġġerimenti li kellu x’jaqsam ma’ dan id-diżastru.Intant, Trudeau għamilha ċara li ‘il-Kanada mhix se tistrieħ qabel ikollha t-tweġibiet għal traġedja li ma messha seħħet qatt’ Hu se jkompli jinsisti ‘għall-ġustizzja u konferma ta’ kontabbiltà’ fiċ-ċirkustanzi.
Minbarra l-Kanadiżi, mietu fit-tiġrif tal-ajruplan għexieren ta’ Iranjani u ċittadini mill-Ukrajna, ir-Renju Unit, l-Afganistan u l-Iżvezja.
L-ammissjoni – li waslet tard – mill-Iran li l-militar tiegħu kien laqat l-ajruplan bil-missili qajjmet għadab kbir fil-Kanada u madwar id-dinja. Fi tmiem il-ġimgħa, il-folol li ħadu sehem f’numru ta’ protesti f’Tehran u bliet Iranjani oħra għajjtu slogans kontra t-Tmexxija tal-Iran, fost rapporti ta’ konfronti bejn id-dimostranti u l-qawwiet tas-sigurtà.
Sadanittant, l-Iran stieden lill-Kanada, lill-Ukrajna u l-kumpanija Boeing – bħala manifattur tal-ajruplan – biex jieħdu sehem f’investigazzjoni dwar id-diżastru. L-Iran qed jgħid li l-persuni responabbli mit-twaqqigħ tal-ajruplan għandhom jinżammu kontabbli waqt li jkunu proċessati skont il-liġi.
//= $special ?>