Futbol Sport

L-MFRA b’ordni biex il-membri tagħha ma jikkontrollawx logħbiet ta’ Sannat Lions

(Ritratt: MFRA)

Wara l-inċident li seħħ f’Għawdex is-Sibt, il-Malta Football Referees Association ħarġet stqarrija ċara. L-MFRA tat ordni lill-membri tagħha biex ma jaċċettawx logħob li fihom jilagħbu Sannat Lions b’effett immedjat kif ukoll li ma jikkontrollawx logħbiet li jinvolvi lil Antoine Camilleri meta tintemm is-sospensjoni.

Huma qalu li jemmnu li l-bord tad-dixxiplina tal-MFA se tagħmel dak li l-Qorti ta’ Għawdex naqset li tagħmel, jiġifieri li tagħti sospensjoni lil Antoine Camilleri, li waqt il-logħba aggredixxa lill-assistent referee Andrea Pavia waqt il-logħba bejn Oratory Youths u Sannat Lions.

Sa dak il-ħin, il-logħba kienet 1-0 favur Oratory Youths u kien għad fadal biss ftit sekondi qabel tmiem il-logħba. Fis-87 minuta l-plejer ta’ Sannat Lions Daniel Borg ġie muri l-karta ħamra u żewġ minuti wara tkeċċa wkoll Antoine Camilleri li rritalja.

“L-imġieba ta’ uħud mill-partitarji ta’ Sannat Lions FC waqt dan l-attakk viljakk u vjolenti, fejn dehru jwaddbu l-birra u jobżqu lill-assistent referee waqt li kien mimdud fl-art wara li ġie aggredit minn Antoine Camilleri, hija waħda inaċċettabbli. Sa sigħat wara dan l-attakk, l-uffiċjali tal-logħba kienu għadhom qed jirċievu messaġġi ta’ theddid fuq il-media soċjali,” kompliet tgħid l-istqarrija.

Dawn id-direttivi jibqgħu fis-seħħ sakemm toħroġ kontro direttiva. L-MFRA kompliet li tistenna b’ħerqa d-deċiżjonijiet dixxiplinarji mill-MFA, il-GFA u Sannat Lions. Il-Malta Football Referees Association temmet l-istqarrija billi qalet li kull attakk fuq referee hu attakk fuq kull wieħed minnhom.