Futbol Sport

Lija Athletic jwieġbu għar-rebħa ta’ Żejtun Corinthians

(Ritratt: Catriel Farrugia)

LIJA ATHLETIC ……………… 4

QORMI ………………………….. 2

Lija: L. Bonnici, A. White, C. Giordimaina, L. Muscat, M. Clinch, C. Gauci, A. Galea (L. Pisani 72), J. Wells (H. Wood 79), R. Fenech, K. Seakanyeng, F. Temile (E. Beu 88).

Qormi: J. Azzopardi, A. Abela, A. Cassar, N. Ghio, I. Mizzi (D.D. Camilleri 46), M. Borg (G. Sammut 76), A. Bustos, C. Farrugia (L. Farrugia 46), N. Borg, T. Gusman, R. Silva Santos.

Referee: Philip Farrugia.

Lija żammew ‘l pass mal-leaders Żejtun meta għelbu lil Qormi 4-2 f’logħba mill-iktar interessanti u divertenti, logħba li kien fiha diversi azzjonijiet sbieħ minbarra s-sitt gowls skorjati.

Wara biss disa’ minuti Lija fetħu l-iskor meta l-akkwist il-ġdid tagħhom FRANK TEMILE skorja mill-viċin wara xogħol tajjeb ta’ Seakanyeng. Żewġ minuti wara Qormi kisbu l-gowl tad-draw grazzi għal penalty skorjat minn ANGEL BUSTOS, anki dan akkwist ġdid għal Qormi.

Fis-26 minuta Temile twaqqa’ fil-kaxxa biex kellna t-tieni penalty tal-logħba, penalty li minnu SEAKANYENG ma żbaljax biex poġġa lil Lija mill-ġdid fil-vantaġġ. Erba’ minuti wara Lija kabbru l-iskor għal darb’oħra permezz ta’ SEAKANYENG li temm azzjoni tajba bejn diversi plejers.

Sitt minuti wara opportunità għal Qormi li ngħataw it-tieni penalty, iżda din id-darba x-xutt ċentrali ta’ Bustos kien salvat minn Bonnici. Qormi daħlu mill-ġdid fil-logħba mas-siegħa logħob grazzi għal gowl ta’ NICK GHIO mill-viċin wara li Bonnici salva parzjalment free-kick ta’ Borg. Iżda minuta wara Lija għalqu l-logħba bir-raba’ gowl meta FRANK TEMILE ħataf indeċiżjoni tad-difiża ta’ Qormi.

Fgura jiksbu punt b’għaxar plejers

FGURA UNITED ……………. 1

NAXXAR LIONS ……………. 1

Fgura: L. Moore, P. Chircop, J. Stenson, G. Martin (S. Abela 64’), D. Quintero (D. Cartella 72’), K. Gandini, J.R. Vella, S. Hili (J. Barbara 55’), S. Borg, A. Toncheff, G. Galea

Naxxar: O. Borg, J. Sciberras, M. Fenech, M. Mifsud (A. Azzopardi 70’), F. Edson Cerqueira, R.G. Cassar, J. Debono, J. Ellul (D. Falzon 61’), B. Essel, S. Meilak (J. Camilleri 90’), G. Martins Leite

Referee: Slawomir Olucha

It-tim tal-qiegħ Fgura United kiseb punt prezzjuż kontra Naxxar Lions, punt ferm importanti anki għall-fatt li dan inkiseb meta Fgura lagħbu kważi taqsima sħiħa bi plejer inqas. Fl-40 minuta Fgura tilfu ċans tad-deheb li fih setgħu fetħu l-iskor meta Giovanni Galea rċieva pass preċiż meta kien f’pożizzjoni ċentrali barra l-kaxxa, avvanza, ġie wiċċ imb wiċċ mal-gowlkiper Naxxari iżda nkredibbilment ixxuttja barra.

Żewġ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Fgura fetħu l-iskor meta f’azzjoni veloċi mibdija minn Gilbert Martin, dan ikkrossja lejn GIOVANNI GALEA li minn żewġ passi bogħod spara fix-xibka. Fit-tieni taqsima Naxxar ħarġu aktar determinati u fit-48 minuta xutt bid-dawra minn tarf il-kaxxa ta’ Mead Mifsud għadda ftit għoli.  Erba’ minuti wara Fgura spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers wara li Philip Chircop ġie muri t-tieni karta safra għal fawl fuq  Edson Farias Cerqueira f’nofs il-grawnd.

Naxxar mill-ewwel approfittaw mill-vantaġġ numeriku li kellhom fil-grawnd għax fis-57 minuta huma għamlu l-iskor indaqs meta MEAD MIFSUD għeleb lil Moore b’xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa. Minkejja li kienu qed jilagħbu bi plejer anqas, anke Fgura kellhom il-mumenti tagħhom fejn fit-80 minuta resqu viċin li jerġgħu jmorru fil-vantaġġ meta free-kick minn pożizzjoni angolata ta’ Alejandro Toncheff ġie salvat minn Borg, il-ballun ħabat mal-mimduda u baqa’ sejjer f’korner.

Mqabba jirbħu d-derby u jiksbu punti importanti

MQABBA ……………………. 2

QRENDI ……………………… 1 

Mqabba: F. Tabone, M. Caruana, J. Micallef. N. Micallef, K. Xuereb (G. Micallef 61’), D. Micallef, B. Grech, Y. Omuro (N. Dia 87’), A. Ferreira (C. Zahra 93’), P. Chimezie, F. Zammit

Qrendi: D. Zarb, S.Radovanovic (Jonathan Silva 54), D.Micallef, G.Muscat, S.Schembri, E.Vella, A.Agius, C.Camilleri, L.Schembri (D.Sammut 54), Dhonatan da Hora, A.Nilsson

Referee: Ezekiel Barbara

Mqabba mingħajr dubju kellhom bżonn tat-tliet punti minn dan il-konfront u għalhekk dawn żgur li kienu manna mis-sema għal Mqabba li minbarra l-punti, kisbu s-sodisfazzjon li jirbħu d-derby kontra l-ġirien tagħhom. Il-logħba kienet dominata minn Mqabba li rebħu meritatament kontra tim ta’ Qrendi li ddiżappunta u kien ferm ‘l bogħod mill-aqwa forma tiegħu. Mqabba ħarġu tajjeb fejn kellhom xi tentattivi lejn il-lasta avversarja iżda kellhom jistennew san-nofs siegħa biex fetħu l-iskor grazzi għal daqqa ta’ ras ta’ ALEXSANDRO FERREIRA.

Ħames minuti wara Mqabba skorjaw it-tieni gowl tagħhom meta PAUL CHIMEZIE skorja ġmiel ta’ gowl b’lob preċiż li ma ta l-ebda ċans lil Zarb isalva. Fit-tieni taqsima kien hemm ir-reazzjoni mistennija ta’ Qrendi li minkejja li ddominaw, ftit inkwetaw lill-gowlkiper ta’ Mqabba anki għaliex Mqabba kienu ferm attenti u għalqu tajjeb l-ispazji fid-difiża.

Iżda fis-77 minuta Qrendi naqqsu l-iskor meta xutt ta’ Jonatan Silva kien imblukkat minn Tabone iżda mir-rebound l-iktar pront kien DYLAN MICALLEF li spara l-ballun fix-xibka. Minuta mit-tmiem, Qrendi kellhom lil Steve Schembri imkeċċi u minkejja dan fil-ħin miżjud għal ftit ma salvawx ir-riżultat meta Dasser Sammut falla ċans tad-deheb waħdu quddiem il-gowlkiper ta’ Mqabba.