Internazzjonali

Pakistan: Titneħħa s-sentenza tal-mewt għal eks President

Qorti fil-belt ta’ Lahore annullat is-sentenza tal-mewt li ngħatat, ġimgħat ilu, lill-eks President Pakistani, Pervez Musharraf. Dan meta l-qorti ddikjarat il-proċess legali li kkonfermat is-sentenza massima bħala wieħed anti-kostituzzjonali.

Il-Ġeneral Musharraf, qabel, kien sfida l-mod kif kienet iffurmata l-qorti speċjali li, f’Diċembru, sabitu ħati ta’ tradiment lil pajjiżu. Intant, il-Qorti Għolja f’Lahore iddeċidiet favur Musharraf, li kien ħataf il-poter fil-Pakistan waqt il-kolp ta’ stat tal-1999 u fejn dam President mill-2001 sal-2008.

Intant, il-prosekuturi f’Lahore qalu li l-aħħar deċiżjoni tfisser li l-Ġeneral Musharraf ( li bħalissa qed jgħix f’eżilju fid-Dubai) ‘hu raġel ħieles wara li l-għażla tal-prosekuturi u l-kostituzzjoni tal-qorti li ddeċidietu ħati ġew iddikjarati illegali’.

Sadanittant, numru ta’ sorsi qed jgħidu li l-każ antik – relatat għal meta Musharraf issospenda l-kostituzzjoni tal-Pakistan fl-2007 – jista’ xorta ikun ipproċessat mill-ġdid quddiem qorti oħra. Fl-2007, il-Ġeneral kien iddikjara tmexxija ta’ emerġenza fil-Pakistan, bl-intenzjoni li jestendi l-mandat ta’ poter u bil-pass iqanqal sensiela ta’ protesti. Musharraf kien irriżenja minn President fl-2008 biex jevita t-theddida ta’ impeachment.