Internazzjonali

Renju Unit: Perjodu ta’ tranżizzjoni għal Harry u Meghan..bid-diżgwid mal-Irjali jonqos xi ftit

Ir-Reġina Eliżabetta qablet li jkun hemm ‘perjodu ta’ tranżizzjoni’ fejn il-Prinċep Harry u martu Meghan — id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex –ikunu qed iqattgħu ħinhom fir-Renju Unit u l-Kanada.

Ir-Reġina qalet li ‘tappoġġja’ lil Harry u Meghan fix-xewqa tagħhom li jkollhom rwol ġdid fil-ħajja, għalkemm ‘kienet tippreferi li huma jibqgħu jaħdmu esklussivament bħala membri tal-Familja Rjali’. Intant, mistennija jittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet finali fil-jiem li ġejjin.

It-taħditiet relatati mal-każ ta’ Harry u Meghan — li qalu li riedu jieħdu pass lura bħala membri prominenti tal-monarkija — saru aktar kmieni llum f’Sandringham u kienu jinkludu lill-membri ewlenin tal-Familja Rjali Britannika.

Il-Prinċep ta’ Wales, Charles, u William, id-Duka ta’ Cambridge ukoll kien involuti fit-taħditiet u r-Reġina qalet, permezz ta’ stqarrija, li dawn it-taħditiet kienu ‘ferm kostruttivi’.

Ir-Reġina kompliet li hi u familtha jappoġġjaw ix-xewqa ta’ Harry u Meghan biex joħolqu ħajja ġdida bħala familja żgħażugħa. Dan meta huma jirrispettaw ukoll ix-xewqa tal-koppja biex jgħixu ħajja aktar indipendenti filwaqt li jibqgħu membri apprezzati tal-Familja Rjali.

Issa, sar qbil dwar iż-żmien tat-tranżizzjoni li fih Harry u Meghan se jqattgħu iż-żmien fil-Kanada u r-Renju Unit. Dan meta d-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex qed jagħmluha ċara li ma jridux ikunu dipendenti fuq il-fondi pubbliċi ‘fil-ħajja ġdida tagħhom’.

Is-sitwazzjoni xorta tibqa’ waħda kkumplikata għall-Familja Rjali, iżda r-Reġina talbet biex ikunu konklużi d-deċiżjonijiet finali fil-jiem li ġejjin.