Lokali

Sandro Chetcuti sorpriż li Anġlu Farrugia semma lilu biss li kien ikun fil-Kwartieri tal-Lejber

Sandro Chetcuti l-President u l-Kap tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi f’Malta qal fil-Qorti li kien sorpriż li l-Ispeaker Anġlu Farrugia semma’ lilu biss li kien ikun preżenti fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista.

Sadanittant fuq mistoqsija tal-Avukat Jason Azzopardi dwar il-kampanja elettorali ta’ bejn Jannar u Marzu tal-2013, jekk kienx konxju li ħafna mill-flus li ntużaw f’dik il-kampanja ġew min-negozjanti li hu introduċa lil Joseph Muscat. Chetcuti wieġeb li kien jaf b’dan kollu.

“Bħala negozjant fuq skala żgħira, dejjem tajt l-istess ammonti liż-żewġ partiti,” spjega Chetcuti hu u jiftaħ envelopp bl-irċevuti ta’ dawn id-donazzjonijiet.

Huwa qal li ħassu muġugħ dwar kif kien itrattah il-Partit Nazzjonalista fuq inċident li kellu, iżda skont hu li huwa mportani dejjem kien li jkun hemm art komuni fejn kulħadd jista’ jikkompeti b’mod ġust. Qal li l-inċident li kellu mal-PN kien ġie sorvalat wara li kien tkellem mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Simon Busuttil.

Qal ukoll li meta kien ikun hemm il-maratona tal-Partit Laburista huwa kien ikellem lill-Kap Eżekuttiv James Piscopo biex jekk ikun hemm xi ħadd li jrid jagħti xi donazzjoni jagħmilha permezz tiegħu.Tenna li kien ikun hemm ukoll numru ta’ negozjanti li kienu jiftħu qallbhom mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat.

“Il-partiti, każini, organizzazzjonijiet tal-karità, kontinwament jistaqsu għad-donazzjonijiet. Ħafna drabi nirrealiżżaw li rridu nagħtu donazzjoni għax inkella l-affarijiet ma jimxux ‘il quddiem,” qal Chetcuti.

Dan ħareġ meta kompliet l-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia wara nofs-inhar meta wara li xehed l-eks Aġent Kummissarju Ray Zammit, warajh eżatt xehed Sandro Chetcuti.

Chetcuti sostna li dejjem ta l-istess ammonti ta’ donazzjonijiet liż-żewġ partiti u saħaq li sa qabel l-2013, huwa qatt ma kienu ikun fir-raba sular u li ma kien jokkupa l-ebda uffiċċju fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista. Qal lik dwar dan huwa kien ħa ġurament li ppreżenta fil-Qorti.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa ukoll lix-xhud jekk jafx li l-SMEs ingħataw kuntratt ta’ €250,000 u ngħataw struzzjonijiet biex jagħtu 15% minnhom lill-Partit Laburista. Chetcuti dwar dan wieġeb fin-negattiv.

Chetcuti qal li kien imweġġa’ mill-Partit Nazzjonalista fuq inċident personali. Madankollu, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien ħadem biex jitranġaw l-affarijiet, “kważi għamel apoloġija pubblika,” skont Chetcuti.

Tkellem wkoll dwar kumment minn uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista li qallu biex “jiddiversifika n-negozju għax m’hemmx iżjed spazju għall-industrija tal-kostruzzjoni.” Dan id-diskors, huwa qal kien ukoll biegħdu mill-Partit Nazzjonalista.

Sandro Chetcuti saħaq li kien bagħat għalih Joseph Muscat biex jgħinu u li ġieli kien imur fil-Kwartieri tal-Partit Laburista, u kien imur biss meta kien imsejjaħ jew mill-Kap jew mill-Uffiċjali tal-Partit.

Fuq mistoqsija tal-Avukat Jason Azzopardi qal li ma jaf bl-ebda donazzjoni ta’ miljun ewro lill-Partit Laburista, iżda jaf nies li kienu jikkontribwixxu lejn il-Partit Laburista, nkluż hu, li qal li anke ġieli ta kontribuzzjoni lill-Partit Nazzjonalista.

Dwar Konrad Mizzi u l-mod kif laqgħu f’attività reċenti ta’ Chris Fearne, meta kulħadd jaf dwar l-aġir tiegħu, huwa qal li jikkundanna l-aġir tal-persuna u mhux il-persuna nniffisiha u ma’ Konrad Mizzi u ġieli ħadem miegħu fuq proġetti vitali.

Qal li anke ma’ Marthese Portelli ġieli tkellem. Hawn l-Avukat Jason Azzopardi qallu bid-differenza li Marthese Portello ma tixxaħħamx u m’ għandha l-ebda kont fil-Panama li minnu tirċievi 5,000 ewro kuljum bħal Konrad Mizzi.

Chetcuti qal li l-ewwel darba li tela’ fir-raba’ sular kien wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013. Huwa qal li ġieli kellu wkoll laqgħat il-Girgenti u f’xi ristoranti ma’ nies mill-Partit Laburista. Qal li iżda aktar tard beda jaqta’ anke b’rispett tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li skont miegħu kien ukoll qed jiddiskuti l-policies.

Qal li qatt ma raha lil Yorgen Fenech fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista u li lil Keith Schembri sar jafu biss wara li sar Kap Eżekuttiva ta’ Joseph Muscat, u li kien fl-2013 kien tela’ fir-raba’ sular.

Tenna li ma kienx żmien tajjeb dak iż-żmien għal xi membri tiegħu u kien imur jitkellem fuq policies. Ċaħad dak li qal Anġlu Farrugia li hu kien ikun hemm ta’ spiss fir-raba’ sular. Qal li waħda mill-policies li kien tkellimha wkoll fuq il-‘first time buyers’ xi ħaġa li kienet għoġbot lil Joseph Muscat.

Chetcuti qal li huwa kien ilaqqa’ negozjanti medji u żgħar ma’ Joseph Muscat u mhux ma’ negozjanti kbar. Fuq mistoqsija tal-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jekk kienux jittieħdu noti tal-laqgħat li huwa kellu ma’ Joseph Muscat jew uffiċjali tal-Partit, qal li ġieli raha lil xi ħadd jieħu xi noti imma ma jafx x’kien isir minnhom.

Huwa qal l-intenzjoni kollha tiegħu kienet biss biex jara li l-ekonomija timxi ‘l quddiem u li qatt ma kien fil-‘business forum’ tal-Partit Laburista. Qal li ġieli tkellem mal-eks Ministru Manwel Mallia dwar l-ideat tiegħu.

L-Avukat Azzopardi rreferieh għal dikjarazzjoni ġuramentata li għamel meta qal “negozjanti serji jkunu jridu jiltaqgħu ma’ Muscat.” Chetcuti qal li ried ifisser li “negozjant serju ma jidħolx fid-dettalji speċifiċi ta’ każ personali.”

Fi tweġiba lill-Imħallef Abigail Lofaro, Chetcuti qal li qatt ma kellu diskussjoni fuq il-power station.Saħaq li d-diskussjoni kienet l-aktar tkun fuq is-settur tal-lukandi. L-MDA kienet proponiet estensjoni fl-għoli tal-lukandi eżistenti, li mbagħad ġiet approvata.

Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino qal li l-policy donnha li kienet biex isiru laqgħat ma’ ishma tas-suq differenti u li jaraw il-policies tagħhom… Chetcuti qal li ma kienx hemm impenn dwar dan min-naħa ta’ Muscat.

“Konna nkwetati meta l-ġid pubbliku ġie stmat inqas milli jixraqlu. Argumentajt ma’ Muscat fuq hekk,” qal Chetcuti. Huwa qal ukoll li qatt ma sema’ xi diskors li jekk jieħu lura xi ħaġa jekk dan jgħin lill-Partit Laburista.

L-ewwel xhud kien l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit. Huwa qal ukoll li lill-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit qallu li mhux iż-żmien tajjeb li jitlaq b’Peter Paul Zammit jgħidlu li kien se jitlaq u li jekk joffrulu l-pożizzjoni l-aħjar kien li jaċċettaha.

Huwa tkellem fuq il-fatt li sal-lum għadu ma jafx għaliex kien ġie maħtur bħala “Aġent Kummissarju” u mhux Kummissarju. Zammit spjega li dawk il-“key points” kienu mmoniterjati, imma ma kienx hemm talba lanqas mill-Pulizija tad-Distrett biex ikun hemm għassa fissa ma’ dar il-ġurnalista. Żied jgħid li ma kienx hemm evalwazzjoni tat-theddid peress li ma saritx talba għal dan.

L-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu jekk l-għassa li kienet issir minn żmien għal żmien kinitx reġistrata. Zammit spjega li din l-informazzjoni tinstab fid-dettalji tal-għassa tad-distrett.

Tenna li qabel ma ġie appuntat Aġent Kummissarju, il-ġurnalista Caruana Galizia kellha għassa fissa. Qal li jiftakar lill-eks Kummissarju John Rizzo jgħidlu li l-għassa fissa mhix se tibqa’ ssir. Kien mar id-dar tagħha u qalilha wiċċ imb wiċċ b’dan. Zammit jgħid li dan kien xi 10 snin ilu.

Qal ukoll li qatt ma rċieva xi rapporti mill-FIAU fil-ħames xhur li dan iservi fl-għola kariga tal-Pulizija. Lanqas id-Direttur tas-Security Services ma kellimni fuq Daphne Caruana Galizia. Zammit qal ukoll li l-eks Ministru Manuel Mallia jiġi minnu min-naħa ta’ missieru.

“Għadni sal-lum ma nafx għaliex għamluni Aġent Kummissarju,” qal Zammit lill-Bord tal-Inkjesta. Beda billi staqsieh min kien Ministru għall-Intern dak iż-żmien, u Zammit wieġbu li kien Manuel Mallia, li jiġi minnu min-naħa ta’ missieru.

Ray Zammit qal li qatt ma ma telaq mill-Korp tal-Pulizija minkejja li spiċċa mill-Korp kważi għal 40 sena. L-inkjesta qed tiġi preseduta mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia se qed jokkupa r-rwol ta’ chairperson, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.

Flimkien mal-Avukat Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja Caruana Galizia, l-Avukati Jason Azzopardi u Andrew Borg Cardona.