Futbol Sport

Suarez se jdum barra mill-azzjoni madwar erba’ xhur

(Ritratt: EPA)

L-attakkant ta’ Barcelona Luis Suarez mistenni jitlef il-kumplament tal-istaġun wara operazzjoni fl-irkoppa. Din l-aħbar hi daqqa ta’ ħarta għal Barcelona fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jirbħu l-kampjonat Spanjol u l-UEFA Champions League.

Suarez li għandu 32 sena, għamel operazzjoni kawża ta’ problema fil-meniscus laterali tal-irkoppa leminija, b’konsegwenza li se jitlef madwar erba’ xhur. L-Urugwajan jinsab fit-tielet post fil-klassifika tal-aqwa skorers ta’ La Liga bi 11-il gowl.

Barcelona ma għandhomx sostitut naturali ta’ Suarez, bl-internazzjonali Franċiż Antoine Griezmann jista’ jkun li se jkollu jilgħab fl-irwol tiegħu, sakemm il-Katalani ma jiħdux deċiżjoni li jiffirmaw attakkant ġdid qabel jagħlaq is-suq tat-trasferiment fl-1 ta’ Frar.

Fil-preżent, Barcelona jinsabu fil-quċċata ta’ La Liga, b’40 punt daqs Real Madrid. Fil-UEFA Champions League huma jilagħbu kontra Napoli fil-fażi tal-aħħar 16.