Il-ħatra ta’ Prim Ministru ġdid mistennija twassal ukoll għal bidla fit-tmexxija tal-Armata ta’ pajjiżna.
L-indikazzjonijiet huma li d-Deputat Kmandant Mark Mallia, li jgawdi l-fiduċja tal-Prim Ministru Robert Abela, se jkun promoss għal Brigadier….u b’hekk jiehu f’idejh it-tmexxija tal-armata – manuvra li hafna suldati diga’ qed jitkellmu dwarha.
Mark Mallia ilu snin qrib il-familja Abela. Filfatt hu serva bħala Aide de Camp, jew aħjar assistent personali ta’ missier Robert Abela, il-President Emeritus George Abela, meta kien f’din il-kariga.
Jekk dan it-tibdil jidħol fis-seħħ, Mark Mallia jkun kompla tiela’ r-ranks tal-Armata sal-quċċata b’rata impressjonanti kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern.
Filfatt, sa Settembru 2012, Mark Mallia kien għadu Maġġur.
It-tibdil li sar fi ħdan l-Armata wara li l-Partit Laburista ħa l-Gvern f’idejh kien ġie kkundannat mill-Ombudsman, li f’investigazzjoni li wettaq sab li kien hemm iktar promozzjonijiet milli kien hemm postijiet vakati.
Iddikjara wkoll li ma kellux il-komfort li s-selezzjoni tal-uffiċjali ma saritx bil-mod kif suppost, kif ukoll li l-proċess ta’ selezzjoni sar b’mod li mhux professjonali u li ma laħaqx ir-rigorożità neċessarja.Tant hu hekk li l-Ombudsman kien ittimbra li l-proċess ta’ għażla sar biex jgħatti l-għażla li kienet diġa deċiża u li l-proċess ta’ għażla jonqos mill-integrità u ħoloq inġustizzja fil-konfront ta’ kandidati oħra.
//= $special ?>
