Futbol Sport

Valverde jitkeċċa minn kowċ ta’ Barcelona u postu jittieħed minn Setien

(Ritratt: EPA)

Ernesto Valverde mhux se jibqa’ jmexxi lil Barcelona wara li lbieraħ ġiet ikkomunikata lilu d-deċiżjoni. L-eks kowċ ta’ Athletic Bilbao mexxa s-sessjoni tal-bieraħ u skont rapporti fi Spanja tkellem mal-President Josep Maria Bartomeu biex jiddiskuti l-futur.

It-telfa fis-semifinali tas-Super Cup Spanjola kontra Atletico Madrid jidher li kienet dik deċiżiva biex jitlef postu. Dan għalkemm hu mexxa lil Barcelona biex jirbħu l-La Liga fiż-żewġ staġuni li mexxa lit-tim. Din hi l-ewwel darba mill-2003 li Barcelona keċċew kowċ f’nofs staġun meta dakinhar kien tneħħa Louis van Gaal.

Valverde nħatar kowċ ta’ Barcelona fis-sajf tal-2017 u se jħalli lit-tim fl-aħħar 16 tal-UEFA Champions League u fil-quċċata tal-kampjonat Spanjol b’punti ndaqs ma’ Real Madrid. Hu naqas li jirbaħ l-appoġġ totali tal-partitarji u kien fil-mira wara li Barcelona kienu eliminati mill-UEFA Champions League fl-aħħar żewġ staġuni.

Fl-istaġun 2017/18 huma kienu eliminati mill-kwarti tal-finali minn Roma u l-istaġun li għadda kienu eliminati fis-semifinali, biż-żewġ eliminazzjonijiet jaslu wara li kienu rebħu b’mod konvinċenti l-ewwel logħba f’darhom.

Is-sostitut tiegħu Quique Setien mexxa lil Real Betis sas-sitt post fl-istaġun 2017/18 iżda tkeċċa fi tmiem l-istaġun li għadda. Il-leġġenda tal-klabb Xavi jidher li kien offrut il-kariga iżda qal li jieħu t-tmexxija biss fis-sajf.

Ikkummenta