Il-pajjiżi ewlenin tal-Ewropa ħadu pass formali li xeħet f’dubju serju il-ftehim nukleari storiku li l-potenzi tad-dinja kienu laħqu ftit tas-snin ilu mal-Iran.
L-inizjattiva – magħrufa bħala dispute mechanism – mill-Istati Ewropej ittieħdet wara li l-Iran kompla jitbiegħed mill-impenji tiegħu fis-settur nukleari. Dan meta l-Istat Iżlamiku ssospenda l-limiti kollha għall-produzzjoni tal-uranju raffinat li kapaċi jintuża biex jiġġenera l-fuel għar-reatturi, kif ukoll għall-produzzjoni ta’ armamenti nukleari.
L-Iran jinsisti li qed iwieġeb għas-sanzjonijiet li imponietlu mill-ġdid l-Istati Uniti meta, fl-2018, irtirat mill-ftehim storiku. Il-ftehim importanti ta’ snin ilu kien jimpenja lill-Iran biex jillimita l-attivitajiet sensittivi fis-settur nukleari filwaqt li jippermetti r-ritorn tal-ispetturi f’artu.
Kundizzjoni għal dan kienet it-tneħħija ta’ sanzjonijiet internazzjonali li kienu qed jipparalizzaw lill-Iran, iżda l-President Amerikan, Donald Trump, reġa’ introduċa s-sanzjonijiet biex jisforza lill-Iran jinnegozja ftehim ġdid li kellu jimponi kontrolli indefinittivi għall-programm nukleari tiegħu minbarra li jwaqqaflu l-iżvilupp tal-missili ballistiċi.
Minkejja l-pressjoni, l-Iran baqa’ jirrifjuta li jinnegozja ftehim ġdid u waqt li l-partijiet interessati l-oħra – ir-Renju Unit, Franza u l-Ġermanja flimkien maċ-Ċina u r-Russja — ippruvaw isalvaw il-ftehim oriġinali, is-sanzjonijiet tefgħu lill-Iran fi kriżi finanzjarja, fost il-kroll tas-sistema għall-esportazzjoni taż-żejt minn dan il-pajjiż.
Għaldaqstant, il-ftehim nukleari storiku jinsab fi speċi ta’ limbu, fejn spiċċa abbandunat mill-Istati Uniti u l-Iran, li huma tnejn mill-aktar firmatarji importanti.
Intant, l-Istati Ewropej, ladarba attivaw dan il-punt ( mekkaniżmu) ta’ kontestazzjoni, qegħdin jieħdu l-ewwel pass formali lejn it-tmiem tal-ftehim storiku. Dawn il-pajjiżi qed jinsistu li jappoġġjaw il-ftehim dment li jibqa’ jeżisti għalkemm huma jridu ftehim aħjar mal-Iran ‘u li jista’ ikollu l-appoġġ tal-Istati Uniti’.
Fl-istess ħin, diffiċli li wieħed jara lill-Iran jaċċetta ftehim aktar restrittiv li jillimitalu l-programmi tal-missili u, x’aktarx, l-ambizzjonijiet tiegħu bħala forza fil-Lvant Nofsani.
//= $special ?>