Lokali Qorti

Bulgara tibqa’ arrestata wara li ġiet mixlija li tat bis-sikkina lis-sieħeb tagħha

Desislava Vasileva Maksimova, Bulgara ta’ 49 sena, nżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija li kkaġġunat feriti gravi fuq is-sieħeb tagħha f’Buġibba.

Allegtament l-akkużata qabdet sikkina meta kienet f’tilwima mal-vittma fil-kċina u tagħtu biha fuq sidru. Huwa għamel ukoll xi ħin fil-periklu tal-mewt, iżda qaleb għall-aħjar.

Maksimova, li taħdem bħala fattiga nżammet arrestata wara li kienet akkużata mill-Ispettur Godwin Scerri li kkaġunat ġrieħi serji fuq is-sieħeb tagħha u li ppruvat tgħatti r-reat tagħha fosthom billi tat verżjoni ħażina tal-fatti.

Fil-fatt kemm hi u anke s-sieħeb tagħha qalu lill-Pulizija li r-reat sar minn xi persuni ta’ nazzjonalità Libjana., L-avukat tal-Għajnuna Legali Martin Fenech qal li kienet l-agressjoni tar-raġel li wasslet għar-reat, u dan biex il-mara tiddefendi ruħha.

Saret talba għall-ħelsien mill-arrest, u anke biex il-Qorti timponi diversi kundizzjonijiet bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li hi toqgħod fl-istess residenza mas-sieħeb tagħha fi Triq Toni Bajada.

Il-Maġistrat Neville Camilleri li mexxa l-każ qal li l-Qorti mhux konvinta li l-Bulgara kienet se żżomm il-kundizzjonijiet mill-arrest u għalhekk ordnat li għalissa hija tinżamm taħt arrest preventiv.