Internazzjonali

Ċina: Imutu ġo ħofra li nfetħet taħthom…

Mietu talanqas sitt persuni wara li nfetħet ħofra kbira fl-art li litteralment ‘belgħet’ xarabank u numru ta’ persuni li nzertaw fiz-zona. L-inċident seħħ barra sptar fil-belt ta’ Xining, il-kapitali tal-provinċja ta’ Qinghai u l-filmati tal-mumenti drammatiċi urew splużjoni fil-ħofra – magħrufa bħala sinkhole – dritt wara li x-xarabank kien niżel għal ġo fiha.

Il-filmati tal-inċident qabdu wkoll il-mument meta n-nies li kienu qed jistennew għat-trasport pubbliku fl-inħawi kienu sfurzati jaħarbu, waqt li l-art ta’ taħt ix-xarabank bdiet iċedi b’ritmu allarmanti.

Spiċċaw ukoll fis-sinkhole numru ta’ nies li nġabru fis-sit biex jippruvaw isalvaw il-passiġġieri mix-xarabank u wara li l-ħofra kibret fi spazju ta’ sekondi.  Din il-ħofra qattiela kellha diametru ta’ kważi 10 metri u ma kienx ċar l-ammont tal-passiġġieri fix-xarabank waqt il-ħin tal-inċident. Fl-aħħar snin kienu rappurtati diversi sinkholes ta’ dan it-tip fiċ-Ċina u li wkoll kellhom il-konsegwenzi qattiela.