Sport Waterpolo

Ebda ħniena minn Spanja fl-ewwel logħba

Malta tiskorja l-aktar darba kontra Spanja fil-Kampjonat Ewropew

Rapport: Stewart Said

MALTA……………….. 7

SPANJA………………. 23

(3-4), (2-6), (0-7), (2-6)

Debutt iebes għat-tim nazzjonali Malti fil-Kampjonat Ewropew li qed isir f’Budapest. It-telfa kienet mistennija kontra l-qawwa Spanjola li fl-aħħar edizzjoni waslet sal-finali. L-Ispanjoli kienu bla ħniena hekk kif baqgħu jilagħbu l-logħba tagħhom sal-aħħar, anki jekk il-kowċ David Martin għamel ir-rotazzjoni fit-tim. L-għan tagħhom hu li jwaqqfu d-dominju tas-Serbja u jirbħu l-finali li tilfu sena u nofs ilu f’pajjiżhom.

Punti pożittivi kien żgur li Malta skorjat seba’ gowls kontra tim b’saħħtu, li hu rekord kontra Spanja fil-Kampjonat Ewropew. Dan għaliex fl-edizzjoni ta’ erba’ snin ilu Malta tilfet 14-3 filwaqt li f’Barcelona fl-2018, Spanja rebħet 21-4. Fatturi oħra pożittivi kienu li minn total ta’ sitt okkażjonijiet b’raġel aktar, ġew skorjati erba’ gowls filwaqt li għal nofs logħba, Malta bdiet xi mod tirrispondi għall-avversarji.

It-tim Malti fetaħ tajjeb il-logħba hekk kif ġab id-draw fi tliet okkażjonijiet filwaqt li żewġ gowls minnhom ġew skorjati minn okkażjoni ta’ raġel aktar. L-ewwel gowl Spanjol wasal wara tliet minuti permezz ta’ Francisco Fernandez Miranda, bit-tim Malti jġib id-draw minn Jeremy Abela wara passaġġ intelliġenti ta’ Ben Plumpton.

Roger Tahull Compte poġġa lil Spanja fil-vantaġġ b’rebound mis-centre iżda minuta wara Stevie Camilleri ġab id-draw b’xutt sabiħ għar-rokna mid-distanza. Tahull Compte skorja t-tieni gowl personali minn man-up sakemm Dino Zammit għamel l-iskor 3-3 ukoll minn man-up 22 sekonda mit-tmiem. Iżda Spanja temmet is-sessjoni 4-3 minn fuq b’penalty ta’ Alberto Munarriz Egana sitt sekondi mit-tmiem.

Fit-tieni sessjoni, Spanja bdew isibu aktar spazju fl-attakki tagħhom u f’xi okkażjonijiet skorjaw wara li d-difiża bdiet tinqabad barra minn postha. Iżda t-tim Malti sab ix-xibka darbtejn minn man-up u kontrattakk veloċi. Spanja skorjat tliet f’anqas minn minuta u nofs permezz ta’ doppjetta minn Alvaro Granados Ortega u Felipe Perrone Rocha.

L-iskor sar 8-3 b’gowl ta’ Adrian Delgado Baches iżda t-tim Malti skorja darbtejn f’anqas minn minuta permezz ta’ Stevie Camilleri u backflip ta’ Matthew Zammit mill-viċin. Fl-aħħar żewġ minuti Roger Tahull Compte minn man-up u Marc Larumbe Gonfaus għamlu l-iskor 10-5.

It-tielet sessjoni kienet diffiċli għat-tim Malti hekk kif l-Ispanjoli bdew isibuha aktar faċli fl-attakk filwaqt li l-kompattezza tal-plejers Maltin ma kinitx l-istess bħal dawk tal-ewwel żewġ sessjonijiet. L-Ispanjoli baqgħu ġejjin u skorjaw seba’ gowls mingħajr risposta, bit-tim Malti jfalli penalty lejn nofs is-sessjoni permezz ta’ Stevie Camilleri. Is-seba’ gowls tal-Ispanjoli waslu minn seba’ plejers differenti.

Fl-aħħar sessjoni, l-Ispanjoli baqgħu jilagħbu u jippressaw. Huma skorjaw tliet darbiet f’anqas minn żewġ minuti fil-bidu tas-sessjoni, b’Malta tiskorja minn man-up ta’ Matthew Zammit u xutt fil-baxx ta’ Stevie Camilleri. Spanja skorjat tliet gowls oħra fl-aħħar tliet minuti għal rebħa ta’ 23-7.

Malta: N. Grixti, J. Gabarretta, A. Galea, G. Pace, Da. Zammit, M. Zammit (2), S. Camilleri (3), J. Camilleri, J. Abela (1), A. Cousin, B. Plumpton, Di. Zammit (1), A. Borg Cole

Spanja: D. Lopez Pinedo, A. Munarriz Egana (5), A. Granados Ortega (3), B. Sanahuja Carne (1), M. De Toro Dominguez, M. Larumbe Gonfaus (2), A. Delgado Baches (1), F. Fernandez Miranda (2), R. Tahull Compte (4), F. Perrone Rocha (3), B. Mallarach Guell (1), A. Bustos Sanchez (1), E. Lorrio Bejar

Referees: Diana Dutilh-Dumas (Olanda), Georgios Stavridis (Greċja)