Internazzjonali

Il-Kanada: Kawti dwar il-passi tad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex

Ir-rilokazzjoni potenzjali fil-Kanada tad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex qanqlet reazzjoni kawta mingħand il-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau, li qed isostni li jinħtieġu aktar taħditiet dwar ‘min irid iħallas għas-sigurtà’ tal-koppja rjali.

Il-Prinċep Harry u martu Meghan – id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex – għamluha ċara, jiem ilu, li riedu jieħdu pass lura mill-impenji uffiċjali bħala membri ewlenin tal-Familja Rjali Britannika. Dan meta l-Familja Rjali tar-Renju Unit qed taħseb biex tiffissa rwol futur għal din il-koppja wara li l-membri tagħha ħadu sehem f’’summit’ relevanti, fil-bidu tal-ġimgħa.

Ir-Reġina Eliżabetta qabet dwar ‘perjodu ta’ tranżizzjoni’ fejn Harry u Meghan se jkunu qed iqattgħu ħinhom fil-Kanada u r-Renju Unit.

Madankollu, Justin Trudeau qed jinsisti biex ikunu diskussi ‘il-finanzjament u l-pjani’ tal-koppja biex jirrelokaw fil-kontinent tal-Amerika ta’ Fuq. L-aktar punt delikat, bla dubju, jidher li jinvolvi s-sigurtà tad-Duka u d-Dukessa fil-futur u ‘min, f’dan il-każ, għandu jieħu ħsieb l-ispejjeż’.

Il-Prim Ministru Trudeau qal li filwaqt li l-parti kbira tal-Kanadiżi ‘huma favur li Harry u Meghan iqattgħu żmien fil-Kanada’, wieħed irid jevalwa diversi fatturi li jinkludu l-finanzi involuti.

Sadanittant, il-Gvern Kanadiż, almenu s’issa, ma kienx involut fl-istrateġija ta’ x’għandha tinvolvi r-rilokazzjoni ta’ Harry u Meghan fil-Kanada.