Lokali Qorti

L-Ispettur Keith Arnaud investiga lilu nnifsu?

12:00pm – Jintemm il-kontro eżami pero dan se jkompli fil-11 ta’ Frar fid-9am.

11:52am – Keith Arnaud issa qed jgħid li kien ra l-istqarrija maħruġa f’Ottubru 2019 tal-Ambaxxata Amerikana li qalet li l-FBI qed toffri l-għajnuna tagħha fl-investigazzjoni iżda l-pulizija ma ħassewx il-bżonn tal-għajnuna tagħhom dak iż-żmien. Wara li ħarġet l-aħbar li l-mobile ta’ Keith Schembri għadu ma nstabx, f’Diċembru 2019 il-pulizija xorta għażlet li titlobx l-għajnuna tal-FBI pero l-investigazzjoni għadha għaddejja.

11:45am – Keith Arnaud jgħid li l-leaks qed jiġu investigati u l-pulizija staqsiet lil Yorgen Fenech min fejn kien jaf din l-informazzjoni sigrieta. Dawn qed jiġu investigati mill-Economic Crime u mhux mill-iskwadra mmexija minn Keith Arnaud.

11:40am – Wara waqfa qasira mill-kontro eżami, l-Ispettur Arnaud qed ikompli jagħti l-iformazzjoni.

10:47am – L-Ispettur Arnaud jistqar li f’recording numru 7 hemm Yorgen Fenech jitkellem ma’ Melvin Theuma. Huma ddiskustew informazzjoni dwar il-każ li kienet sigrieta u li kienu jafu biha biss, il-persuni li kienu parti mil-meetings sigrieti f’Kastilja.

10:40am – Keith Arnaud jgħid li Keith Schembri kien l-ikar persuna li ssemma’ fir-recordings tal-laqgħat bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

10:30am – L-assistenza tal-FBI dejjem kienet hemm iżda l-Pulizija ta’ Malta qatt ma talbet lill-FBI biex tgħin jinstab il-mobile ta’ Keith Schembri. Kieth Arnaud jgħid li ma rax stqarrija importanti maħruġa mill-Ambaxxata Amaerikana li ħarġet fil-pubbliku fl-aħħar jiem, stqarrija li titkellem dwar il-każ.

10:20am – Jibda l-kontro eżami tal-Ispettur Keith Arnaud.

10:10am – Fid-dokumenti ta’ min daħal ħdejn Yorgen Fenech imkien ma jidher li Keith Arnaud daħal fiċ-ċella fejn kien qed jinżamm Fenech, dan minkejja li kien qed jidħol b’mod regolari ħabba l-investigazzjoni.

10:05am – Jibda jixhed is-Surġent Victor Gafa’ li jieħu ħsieb il-lock-up tad-Depot fejn spjega l-ħinijiet u l-ġranet li fihom kien arrestat u meħlus fuq police bail għal numru ta’ drabi Yorgen Fenech,

10:00am – Tintemm ix-xhieda u l-kontro eżami tal-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

9:55am – Il-Kummissarju jgħid li mit-tapping tal-mobile ta’ Fenech qatt ma rriżulta li dan tal-aħħar u Keith Schembri kienu ħbieb intimi.

9:50am – Lawrence Cutajar ikkonferma li hu qatt ma kien infurmat li Keith Schembri kien persuna msemmi fl-investigazzjoni anke wara li ismu ssemma’ fir-recordings bejn il-middleman Melvin Theuma u Yorgen Fenech.

9:45am – Mistoqsi mill-avukati ta’ Yorgen Fenech, l-Kummissarju kkonferma li waqt l-investigazzjoni bdew ħerġin leaks imma ma sabux minn fejn bdew ġejjin. Hu kkonferma li kien hemm leaks fl-istess waqt li l-investigazzjoni kienet għaddejja. Yorgen Fenech kien provda informazzjoni minn fejn ġejjin dawn il-leaks u semma’ lil Keith Schembri iżda l-Kummissarju taħt ġurament jgħid li din l-informazzjoni qatt ma waslet għandu pero jaf li l-investigazzjoni dwar dan kompliet minn Keith Arnaud li wkoll kien involut fil-laqgħat li minnhom ħarġu l-leaks. L-Avukati staqsew jekk Keith Arnaud investigax lilu nnifsu u l-Kummisarju jgħid li mhux f’pożizzjoni li jikkonferma dan.

9:40am – Id-deċiżjoni ta’ aktar investigazzjoni u searches kienet twaqqfet mill-Kummissarju għaliex qal li kieku saru mingħajr ebda suċċess fi żmien kmieni fl-investigazzjoni, kien jippreġudika l-każ. Din id-deċiżjoni qed jgħid Cutajar, ħalliet il-frott għax is-searches saru f’waqthom u kieku mhux qegħdin hawn illum. Hu qed jgħid li fil-bidu tal-2018 kellu jwarrab mill-investigazzjoni l-assistent kummissarju u kien hemmek li Lawrence Cutajar iddeċieda li jidħol iktar Keith Arnaud fl-investigazzjoni. Hu ikkonferma li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.

9:35am – Lawrence Cutajar jgħid li kien preżenti fil-meetings ta’ Kastilja flimkien ma’ Keith Arnaud, Joseph Muscat u Keith Schembri. Ġieli kien ikun preżenti l-Ministru Owen Bonnici. Dawn il-laqgħat li kienu l-iktar jikkonsistu il-proklama ta’ Vince Muscat pero f’Novembru tal-2018 Joseph Muscat kien iddeċieda li mhux se joħroġ il-proklama.

9:30am – Jibda jixhed il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.

Quddiem l-Imħallef Wenzu Mintoff dalgħodu qed tkompli tinstema l-kawża Kostituzzjonali tan-negozjant Yorgen Fenech, wara li dan tal-aħħar kien għamel talba uffiċjali lill-Kummissarju Lawrence Cutajar sabiex ineħħi lill-Ispettur Keith Arnaud minn fuq l-investigazzjoni marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

It-talba tispeċifika diversi raġunijiet għaliex Arnaud għandu jitneħħa, fosthom għal rabtiet mill-qrib li hu għandu ma’ Keith Schembri, dejjem skont dak li ħareġ fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello waqt is-smigħ tal-kompilazzjoni fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galiza.

Fost l-oħrajn, l-avukati ta’ Fenech qed jgħidu li l-investigazzjoni fuq Keith Schembri kienet waħda dilettanteska fost l-oħrajn minħabba li l-mobile tal-eks chief of staff tal-Prim Ministru baqa’ s’issa qatt ma nstab.

Preżenti fil-Qorti, preżenti hawn Yorgen Fenech, akkużat li hu komplici fl-assassinju fliemkien mal-avukati tiegħu Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran kif ukoll L-ispettur Keith Arnaud u l-Kummisarju Lawrence Cutajar.