Fl-aħħar ġimgħa, ir-residenti ta’ Ħ’Attard ta’ kuljum qamu għall-massakkru ta’ eluf ta’ metri kwardi ta’ art agrikola u siġar fil-qalba tar-raħal tagħhom.
Inġenji kbar komplew ikaxkru ħamrija b’ritmu mgħaġġel ferm, bir-residenti rrabbjati jirrikorru għal Facebook fejn poġġew ritratti u filmati ta’ dak li kien qed jiġri taħt għajnejhom.
Fost dawk li esprimew ir-rabja tagħhom għal dak li qed isir, kien hemm il-grupp Attard Residents Environmental Network li tefgħu filmati tal-inġenji jkissru u jkaxkru kull ma jiġi quddiehom biex iwittu z-zona tal-madwar.
Ix-xogħol…li qed isir bħala parti mill-proġett kontroversjali tas-Central Link, sa issa nkluda saħansitra t-tqaċċit ta’ għadd ta’ siġar taż-żebbuġ fost l-oħrajn.
Intant, it-Tnejn, ir-residenti ta’ dan ir-raħal ħadu qatgħa oħra hekk kif fuq numru ta’ siġar kbar fi Triq l-Imdina, fl-inħawi ta’ l-isptar Mount Carmel, feġġewlhom slaleb ħomor… marki li ma kienux hemm sa ftit tal-jiem ilu.
Inkwetati, ir-residenti għamlu kuntatt ma’ Infrastructure Malta biex jistaqsu dwar is-sinnifikat ta’ dawn is-slaleb.
Kelliem għal Infrastrcture Malta caħad li s-siġar se jinqalgħu b’rabta mal-proġett tas-Central Link.
Huwa ċaħad ukoll li dawn il-marki kienu saru minn ħaddiema tal-istess Infrastructure Malta.
Il-proġett tas-Central Link ħoloq kontroversja kbira tul l-aħħar xhur… u s-soċjetà ċivili pprotestat għadd ta’ drabi b’rabta ma’ dan, fejn fi protesta partikolari, uħud mid-dimostranti ntrabtu b’mod simboliku mas-siġar li se jinqalgħu biex jagħmlu wisa’ għat-toroq il-ġodda.
//= $special ?>