Internazzjonali

L-Iran: Isiru l-arresti b’konnessjoni mat-twaqqigħ tal-ajruplan Ukren

Diversi persuni spiċċaw arrestati fl-Iran b’konnessjoni mat-twaqqigħ tal-ajruplan tal-passiġġieri tal-Ukraine International Airlines li, skont ir-rapporti, intlaqat minn missila ‘li ma kenitx intenzjonata għalih’.

Kelliema għall-ġudikatura qalu li l-investigazzjonijiet dwar il-każ qed ikomplu iżda ma pprovdew l-ebda dettalji. Intant, il-President Iranjan, Hassan Rouhani, qal li l-investigazzjoni se tkun issorveljata minn ‘qorti speċjali’.

L-ajruplan tal-linja Ukrena kien inqered ftit wara li telaq minn Tehran bħal-lum ġimgħa u bir-riżultat li nqerdu l-176 persuna ta’ fuqu. Il-parti kbira tal-vittmi kienu ċittadini Iranjani u Kanadiżi.

Għall-ewwel tlett ijiem wara t-tiġrif, l-Iran kien ċaħad li l-qawwiet armati tiegħu kienu niżżlu l-ajruplan Boeing 737-300, bl-uffiċjali jissuġġerixxu li kien hemm żball tekniku. Iżda aktar ma bdew jinġabru l-provi, il-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran żvelat li operatur ta’ sistema għal difiża kien ‘fixkel l-ajruplan ma’ missila cruise tal-Istati Uniti u spara fid-direzzjoni tiegħu’.

Id-difiżi tal-Iran dak iż-żmien kienu qed josservaw livell ta’ allert għoli minħabba li l-pajjiż Iżlamiku, ftit tas-sigħat qabel it-tiġrif, kien spara l-missili ballistiċi lejn żewġ bażijiet tas-servizzi militari Amerikani fl-Iraq, bħala ritaljazzjoni għall-qtil (bi drone) tal-Ġeneral Iranjan ewlieni, Qasem Soleimani meta hu kien f’Baghdad ( fl-Iraq).

L-ammissjoni tar-responsabbiltà ipprovokat rabja kbira fl-Iran, bil-folol joħorġu jesprimu l-għadab fit-toroq ta’ Tehran u bliet oħrajn, fost l-għajjat kontra ‘il-gideb tal-Gvern u tat-Tmexxija Iżlamika’.

Intant, il-ġudikatura tal-Iran se tinvestiga l-kawżi u l-impatt dirett tal-inċident fatali, fost il-konferma li ‘numru ta’ nies qed jinżammu taħt arrest’ u li l-investigazzjoni għandha tkompli.

Il-President Rouhani qal li l-ġudikatura se torganizza qorti speċjali biex tipproċessa l-każ u li għexieren ta’ esperti se jissorveljaw l-investigazzjoni. Hu sostna li ‘dan mhux se jkun każ regolari meta għajnejn id-dinja se jkunu fuq din il-qorti’.

Fl-istess ħin, il-President tal-Iran qal li ‘is-swaba’, f’dan il-każ, ma jridux jippuntaw lejn individwu wieħed biss meta hemm oħrajn responsabbli għat-twaqqigħ traġiku tal-ajruplan’.