Kunsilli Lokali Lokali

Naqra konkos minflok xogħol kif suppost

Għal Transport Malta, taħt it-tmexxija tal-Ministru Ian Borg, laqa konkos kienet biżżejjed biex jitgħatta d-dnub ta’ triq li kulma tmur qed iċċedi minflok ma t-triq terġa’ ssir mill-ġdid … kif suppost isir.

Din hi s-sitwazzjoni ta’ Xatt Ta’ Xbiex, fl-Imsida – triq frekwentata minn eluf ta’ karozzi kuljum – fost diversi rapporti kontinwi tal-istat diżastruż li t-triq kienet tinsab fiha.

Iżda ġurnata fost l-oħrajn, ir-residenti ta’ din it-triq u oħrajn fil-qrib innutaw tabelli tan-No Parking minħabba xogħol li kien se jsir. Kien hawn li, fuq żewġt iljieli, il-ħaddiema ta’ Transport Malta qalgħu partijiet minn wiċċ it-triq u għaddew laqa konkos fiż-żona li kienet l-aktar milquta.

Qabel l-elezzjonijiet ta’ Mejju li għadda, il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Imsida – immexxi minn maġġoranza Laburista – kienu ftaħru li din it-triq kellha tgawdi minn proġett kbir biex jitwessa’ l-promenade. Madankollu, sorsi li tkellmu ma’ NET News qalu li dan il-proġett partikolari jidher li fadallu ħafna biex jibda … jekk jibda.

Dan hekk kif NET News jinsab infurmat li l-Gvern ilu jipprova javviċina kuntratturi differenti li jistgħu jkunu interessati fih. Iżda dawn, kif ikunu jafu bit-termini li qed jitlob il-Gvern, qed jaqtgħu qalbhom u jaħarbu mis-sunnara.

Dan hekk kif il-Gvern qed jippretendi li l-proġett kollu jitlesta fi ftit xhur, minkejja li jrid isir reklamazzjoni tal-art u anke ċaqlieq ta’ dgħajjes żgħar li hemm, filwaqt li mal-proġett, wieħed jistenna wkoll li din it-triq ewlenija ssir mill-ġdid.

Sadanittant, mal-laqa konkos ta’ ftit jiem ilu, intlaqtet ukoll zebra crossing li hemm fl-istess Xatt u li qabel, kienet kważi sfrondata għalkollox. Iżda issa, iż-żebgħa mal-art bilkemm tidher u dan qed ikun ta’ periklu għalmin ikun qed jaqsam it-triq, ladarba s-sewwieqa tal-karozzi ma jindunawx biż-zebra crossing.

Minbarra l-istat diżastruż tat-triq u x-xogħol ta’ malajr li sar fiha, ir-residenti tal-madwar qed ibatu wkoll minn irwejjaħ qawwija ta’ drenaġġ fil-baħar. Dan hekk kif jirriżulta li l-istrutturi eżistenti tad-drenaġġ mhux jifilħu għaż-żieda qawwija fil-popolazzjoni bil-bini sfrenat li tela’ fl-aħħar xhur.

U minflok ma ġew aġġornati dawn is-sistemi, baqgħu ħerġin il-permessi għall-proġetti, bil-konsegwenza li l-katusi taħt l-art mhux jifilħu għad-domanda dejjem tiżdied.

Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista ġibdu l-attenzjoni tal-Kunsill Lokali waqt laqgħa riċenti. Madankollu, filwaqt li ġie spjegat li x-xogħol għandu jsir mill-Gvern Ċentrali, dawn ġew infurmati li għalissa ma jista’ jsir xejn ħlief li l-Kunsill jibgħat xi ittra.

Fil-fatt, it-tmexxija tal-Kunsill Laburista qalet li f’każ li jinbidel il-Ministru responsabbli mis-Servizzi tal-Ilma, ma jkunx ċar lil min għandha tintbagħat l-ittra. Xi ħaġa li mhix minnha għax f’ċirkostanzi bħal dawn, l-ittri jintbagħtu lid-Dipartimenti konċernati u mhux direttament lill-Ministru.

Fi stqarrija, kelliem għall-Ministeru ta’ Ian Borg ikkonferma l-ħtieġa li jsir il-proġett tad-drenaġġ qabel ma jsir wiċċ ġdid lit-triq, filwaqt li fl-ebda hin ma ċaħad dak irrappurtat mnn NET News.