Internazzjonali

Renju Unit: Miċħuda formalment it-talba għal tieni referendum għall-Iskozja

Il-Gvern Britanniku ċaħad formalment is-sejħa tal-Ewwel Ministru tal-Iskozja, Nicola Sturgeon, biex pajjiżha jingħata tieni referendum għall-indipendenza mill-kumplament tar-Renju Unit.

Il-Prim Ministru Boris Johnson, sadanittant, għamilha ċara li referendum bħal dan ‘iservi biss biex ikompli l-istaġnar politiku li l-Iskozja għaddiet minnu fl-aħħar għaxar snin’. Fl-istess ħin, Johnson fakkar li Nicola Sturgeon, qabel, kienet impenjat ruħha li r-referendum li kien sar għall-Iskoċċiżi fl-2014 kellu jkun vot ‘ta’ darba f’ġenerazzjoni’.

Sadanittant, Nicola Sturgeon, fl-aħħar sigħat, bagħtet messaġġ fuq il-media soċjali li l-Konservattivi li qed imexxu l-Gvern ta’ Londra ‘qegħdin jippruvaw jiċħdu lid-demokrazija’. Hi qalet li ċ-ċaħda formali ta’ Johnson għal tieni referendum għall-indipendenza tal-Iskozja qabel l-aħħar tas-sena kienet ‘prevedibbli iżda, fl-istess ħin, insostenibbli’.  Dan meta Sturgeon kompliet tinsisti li ‘l-Iskozja se tingħata d-dritt tal-għażla’.

L-Ewwel Ministru tal-Iskozja kompliet li l-Gvern Skoċċiż għandu jfassal tweġiba għal din is-sitwazzjoni, flimkien mal-‘passi li jmiss’ qabel it-tmiem ta’ dan ix-xahar. Ingħad ukoll li l-Parlament Skoċċiż ta’ Holyrood mill-ġdid se jintalab ‘biex jappoġġja d-dritt tal-Iskozja li tagħżel il-futur tagħha’.

Fl-2014, il-votanti Skoċċiżi li ħadu sehem fir-referendum storiku għall-indipendenza tal-Iskozja mir-Renju Unit iddeċidew – b’55 kontra 45 fil-mija – biex ikomplu bl-istatus quo.

Intant, Sturgeon, li l-Partit SNP tagħha rebaħ 48 mill-59 siġġu fl-Iskozja waqt l-aħħar elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit, trid referendum ieħor u, ix-xahar li għadda, għamlet talba formali lill-Gvern Britanniku biex jitrasferixxi l-poteri lill-Parlament Skoċċiż li jaċċertaw il-legalità ta’ kwalunkwe referendum.

Ikkummenta