Lokali

Robert Abela jsejjaħ lid-deputati; Fearne jidħol darbtejn

Hekk kif illum timmarka l-ewwel ġurnata xogħol għall-Prim Ministru Robert Abela, huwa qed isejjaħ għadd ta’ deputati Laburisti fl-uffiċju tiegħu f’Kastilja.

Robert Abela jidher li qed isejjaħ lid-deputti tiegħu wieħed wieħed hekk kif qed jgħaqqad il-Kabinett il-ġdid tiegħu.

Wieħed minn tal-ewwel li daħal Kastilja kien propju l-kandidat avversarju ta’ Abela fit-tellieqa għat-tmexxijta tal-Partit Laburista, id-Deputat Mexxej tal-Partit Chris Fearne.

Fearne deher dieħel Kastilja kmieni dalgħodu, biex ħareġ madwar siegħa wara. Il-Ministru tas-Saħħa deher skomdu u rrabbjat mal-ħarġa tiegġu minn Kastilja u rriffjuta li jwieġeb jekk kien se jibqa’ Ministru tas-Saħħa, bit t-weġiba tiegħu tkun biss li hu jibqa’ leali lejn il-Partit.

Iżda madwar tlett kwarti wara hu reġa deher dieħel Kastilja, biex ħareġ biss ftit minuti wara. Net News staqsa lil Chris Fearne jekk kienx se jżomm il-Ministeru jew jekk kienx għadu jagħmel parti mill-Grupp Parlamenterai, b’Fearne iwieġeb biss li l-Kabinett huwa prerogattiva tal-Prim Ministru.

Intant, minbarra Chris Fearne, sa issa nafu li daħlu zgur Kastilja is-Segratarju Parlamentari Silvio Schembri, u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, li għalkemm dehru deħlin, sa issa ma dehrux ħergin.

Daħal ukoll iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando, li mal-ħarġa tiegħu, mistoqsi minn Net News xi rwol se jkollu qal li se jkollu rwol għal qalbu ferm, mingħajr ma ta aktar dettalji.

Il-Ministru għall-Ekonomija u deputat Mexxej l-ieħor tal-Partit Laburista Chris Cardona wkoll temm il-laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru, bl-uniku kummenti tiegħu wara l-laqgħa jkunu li l-Kabinett huwa prerogattiva tal-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru minstenni jibqa’ għaddej bil-laqgħat tiegħu mad-Deputati il-ġurnata kollha.