Futbol Sport

Ryan Darmanin jiffirma ma’ Gżira, Cabral qrib li jirritorna f’pajjiżna u Miranda jħalli lil Gudja

Wara li l-aħbar kienet ħarġet fl-aħħar jiem, ilbieraħ tħabbar b’mod uffiċjali li Gżira United akkwistaw lill-attakkant Ryan Darmanin li ffirma kuntratt ta’ sena. Hu ilu jitħarreġ mal-klabb mill-ġimgħa l-oħra u se jkun aktar għażliet fl-attakk ta’ Gżira.

Il-Maroons akkwistaw ukoll lil Wilfried Domoraud li hu s-sostitut ta’ Jefferson de Assis li ħalla l-klabb biex ikompli l-karriera f’Dubai. Darmanin b’hekk se jerġa’ jkun qed jaħdem mal-kowċ Giovanni Tedesco wara li t-tnejn kienu ma’ Ħamrun Spartans fl-istaġun li għadda.

Darmanin li għandu 34 sena, hu prodott ta’ Floriana u magħhom għamel id-debutt fil-Kampjonat Premier. Minn dakinhar hu lagħab ukoll ma’ Marsaxlokk, reġa’ ma’ Floriana, Balzan, Birkirkara, St. Andrews, Tarxien u Siġġiewi qabel fl-istaġun li għadda ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans.

Ryan Darmanin kien aktar utlizzat minn Tedesco bħala sostitut u fl-istaġun li għadda skorja darbtejn kontra St. Andrews u Birkirkara. F’dan l-istaġun taħt it-tmexxija ta’ Manuele Blasi, Darmanin lagħab tmien logħbiet fil-kampjonat u skorja gowl.

SENGLEA – L-attakkant Brażiljan Juninho Cabral mistenni jirritorna f’pajjiżna hekk kif jidher li laħaq ftehim ma’ Senglea Athletic. Jekk dan it-trasferiment ikun finalizzat, Cabral ikun qed jirritorna ma’ Senglea hekk kif lagħab magħhom fl-istaġun 2016/17. F’dak l-istaġun hu kien strumentali biex Senglea taħt it-tmexxija ta’ Steve D’Amato, kisbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier.

Cabral kien spiċċa l-aqwa skorer tal-kampjonat b’25 gowl. L-ewwel esperjenza tal-Brażiljan f’pajjiżna kienet ma’ Floriana fl-istaġun 2015/16. Wara li rritorna mis-sena esperjenza ma’ Senglea, Cabral lagħab għal staġun u nofs ma’ Floriana qabel ingħaqad ma’ FC Rabotnicki fil-Maċedonja.

GUDJA – Il-plejer ta’ 32 sena Allan Miranda mistenni jħalli pajjiżna biex jingħaqad ma’ Comunicaciones FC li hu klabb ewlieni fil-Gwatemala. Id-difensur kien ingħaqad ma’ Gudja United fis-sajf li għadda, xhur biss wara li lagħab mal-Kosta Rica fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-CONCACAF.

Fil-kampjonat hu lagħab għaxar logħbiet inkluż it-telfa tal-Ħadd li għadda kontra Hibernians u skorja gowl kontra Senglea Athletic. Fid-dawl ta’ dan, Gudja United mistennija jibdew tfittxija għal sostitut tiegħu, bl-indikazzjonijiet huma li d-difensur ġdid tal-klabb se jkun barrani.